Aktar minn 2,500 spezzjoni f’10 ijiem

Ippubblikati d-dettalji ta' persuna fuq Facebook

CMRU

Fl-ewwel 10 ijiem minn meta bdew l-ispezzjonijiet fuq persuni li suppost qegħdin kwarantina kien hemm iktar minn 2,500 spezzjoni, skont il-Ministeru għall-Intern.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern qal li ħareġ biċ-ċar li l-Pulizija qed issib kooperazzjoni fil-maġġoranza tal-każi.

“Ħarraxna l-multi minn €1,000 għal €3,000 u issa min suppost ikun f’iżolament u ma jkunx, se jkun immultat €10,000. Il-messaġġ ċar ħafna. Mas-saħħa tal-poplu Malti m’għandux ikun hemm riskji”, qal il-Ministru Byron Camilleri.

Ippubblikati d-dettalji ta’ persuna fuq Facebook

Fuq Facebook il-paġna Malta Environmental Health Officers Association qalet li saru 282 spezzjoni fl-aħħar 24 siegħa mill-Environmental Health Officers flimkien mal-pulizija u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD).

Il-paġna kitbet li saru wkoll 1,436 spezzjonijiet fuq stabbilimenti. Qalet ukoll li ġew investigati 139 ilment. B’kollox ħarġu 26 ċitazzjonijiet. Ma ġiex spjegat x’tip ta’ multi kienu jew f’liem perjodu ħarġu.

Għas-1.16pm il-paġna ppubblikat ukoll informazzjoni personali ta’ persuna li jidher li laqtet multa talli allegatament kisret waħda mill-kundizzjonijiet tal-kwarantina. F’ritratt ippubblikat mill-paġna dehret stampa tal-multa, isem, indirizz, u n-numru tal-karta tal-identità ta’ persuna. Dan ir-ritratt imbagħad tneħħa.

Reċentament persuna kisret ir-regoli tal-kwarantina mandatorja darbtejn u ġiet immultata €6,000, skont il-Gvern.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn