Aġġornata: Aktar minn 25,000 b’kontijiet tad-dar b’lura

Ftit aktar minn 25,000 oħra kellhom kontijiet b’lura tal-kera, self mal-bank fuq dar jew tal-ilma u d-dawl. 
Dawn kienu wħud mir-riżultati li nstabu fi studju annwali għall-2017 li jsir mill-Unjoni Ewropea, The European Statistics On Income and Living Conditions Survey (EU-SILC) dwar il-faqar materjali u l-faqar materjali sever.
Għal das-sondaġġ bħala medja wieġbu mat-300,000 persuna li tgħix Malta.
Fl-2017, ir-rata ta’ familji b’faqar materjali kienet ta’ 8%, filwaqt li ta’ dawk b’faqar materjali sever 3.3%. Dan ifisser li mill-2016, ir-rati naqsu b’2.3% u 1.1% rispettivament.
Il-kejl ta’ kif familja tkun meqjusa fi grupp jew ieħor hu kemm tkun taffordja oġġetti. Jekk familja ma tkunx taffordja minn tal-inqas 3 minn 9 oġġetti bażiċi, mela tkun qed tesperjenza faqar materjali. Jekk ma tkunx tafforjda minn tal-inqas 4 minn dawn l-oġġetti mela tkun f’qagħda ta’ faqar materjali sever.
Irriżulta li f’Malta wieħed minn kull għaxart itfal fl-2017 kien qed jgħix f’qagħda ta’ faqar materjali, u wieħed minn kull 20 f’qagħda ta’ faqar materjali sever. L-aktar maħkuma minn dal-faqar għalhekk kien il-grupp ta’ nies ta’ taħt it-18-il sena.
Kważi 70,000 persuna wieġbu li jsibu ruħhom daharhom mal-ħajt jekk id-dar jiltaqgħu ma’ xi spiża ta’ aktar minn €650, filwaqt li ftit aktar minn 6,000 persuna qalu li ma jaffordjawx ikollhom internet id-dar, u kważi 150,000 persuna ma taffordjax safra ta’ ġimgħa darba fis-sena.
B’kuntrast, l-għadd ta’ persuni li qalu li m’għandhomx biex iħallsu għal magna tal-ħasil, televixin, mowbajl jew karozza kien minimu.
It-tniġġis l-aktar li jinkwieta lill-familji
Mir-riżultati ħareġ ukoll li l-aktar li jinkwieta lill-familji jgħixu f’Malta hu t-tinġis u problemi ambjentali (26.8%), imbagħad l-istorbju tal-ġirien jew mit-triq (25.3%), imbagħad il-kriminalità (10%), fost l-oħrajn.
Fl-2017, 40% tal-familji rrappurtaw minn tal-inqas waħda minn dawn il-problemi, 4% inqas mis-sondaġġ tas-sena ta’ qabel.
L-aktar rapporti saru mid-Distrett tat-Tramuntana, u l-inqas f’Għawdex u Kemmuna.
Dawn huma sejbiet oħra fir-rapport:

  • Ma kellhomx biex jibdlu ħwejjeġ spiċċuti b’oħrajn ġodda; 11,633
  • Ma jaffordjawx ikollhom 2 pari żraben; 14,329
  • Ma jaffordjawx jiltaqgħu daba fix-xahar ma’ sħabhom għal ikla; 25,941
  • M’għandhomx biex jipparteċipaw f’xi attività regolarment; 48,025
  • Ma jaffordjawx jonfqu xi ħaġa fuqhom infushom darba fil-ġimgħa; 40,721
  • Ma jaffordjawx internet id-dar; 6,191

​"Il-faqar f’Malta naqas għal terz tal-medja Ewropea" – il-Ministru fil-Parlament
Sadanittant filgħaxija fil-Parlament, l-Ministru tas-Sigurtà Soċjali, Michael Falzon, qal li skont l-istatistika ppubblikata mill-Eurostat kien hemm tnaqqis ta` 9,000 persuna li jaqgħu f`riskju ta` faqar jew deprivazzjoni severa.
Il-Ministru kien qed jitkellem fl-għeluq tat-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar l-Att tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali.
Falzon qal li mill-ewwel darba li ilha tinżamm din l-istatistika tal-Eurostat, in-numru ta` persuni f`riskju ta` faqar niżel fl-inqas livelli li qatt kien. Huwa qal fl-aħħar tas-sena 2012 il-faqar kien fil-livelli ta' 37,000 waqt li fl-aħħar tas-sena 2017 niżel għal 14,000.
Huwa qal il-Gvern qed jirnexxilu joħloq bilanċ bejn is-suċċess ekonomiku u s-suċċess soċjali.  
Falzon qal din l-amministrazzjoni irnexxielha twaqqaf tendenza taħt l-amminstrazzjoni Nazzjonalista, li bejn l-2007 u 2012 in-nies f`riskju ta' faqar  kien ta' 20,000 ruħ waqt li issa niżel għal terz ta' dak li kien.
Aktar minn hekk, il-faqar f`pajjiżna kien ogħla mill-medja Ewropea waqt li issa l-faqar f`Malta qiegħed nofs il-medja fl-Unjoni Ewropea.
It-tendenza pożittiva kienet fil-gruppi kollha, jiġifieri anzjani, adulti u tfal.