Aktar minn 230 immigrant f’riskju li jgħerqu fil-Mediterran – Alarm Phone

Read in English.

L-NGO Alarm Phone sostniet li bħalissa hemm aktar minn 230 immigrant f’żoni differenti tal-baħar Mediterran li jinsabu f’riskju li jgħerqu u għandhom bżonn salvataġġ.

Permezz ta’ diversi Tweets, l-NGO spjegat is-sitwazzjoni ta’ diversi dgħajjes f’periklu. Qalet li matul il-lejl li għadda kien hemm 65 persuni f’periklu estrem ‘il barra mil-Libja, 85 persuna oħra viċin Lampedusa, u żewġ gruppi oħra, wieħed ta’ 22 persuna u ieħor ta’ 62 persuna fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.

Dwar il-65 immigrant li hemm ‘il barra mill-Kosta Libjana, Alarm Phone qalet ilbieraħ li dawn kienu abbord dgħajsa bajda li kienet qed tesperjenza xi problemi. L-immigranti li tkellmu mal-għaqda qalu li l-magna tad-dgħajsa ma kinitx qed taħdem u li beda dieħel l-ilma abbord.

L-NGO qalet li tkellmet mal-Gwardja tal-Kosta Libjana u li din qalitilhom li l-magna tal-bastiment tagħhom kellha xi ħsarat u biex minflok iċemplu t-Tuneżija. L-NGO għamlet dan u min-naħa tal-Gwardja tal-Kosta Libjana, qalulhom biex iċemplu mill-ġdid għada, it-Tnejn, għax huma ma jaħdmux fil-weekend. L-NGO kompliet billi sostniet li l-Gwardja tal-Kosta Taljana u l-Forzi Armati ta’ Malta għandhom jintervjenu biex isalvaw l-immigranti.

F’kuntatt li għamlet l-NGO aktar tard mal-istess grupp ta’ immigranti, dawn qalulha li kienu f’riskju kbir li jmutu hekk kif is-sitwazzjoni tagħhom kienet kritika u urġenti. Qalet li mhux qed tara l-ebda ħidma ta’ salvataġġ fil-viċin u li ma tistax tassigurahom li se jirnexxielhom isalvaw. Appellat sabiex l-Unjoni Ewropea tintervjeni.

L-NGO kompliet billi allegat li l-Unjoni Ewropea tħallas il-milizzji Libjani sabiex jipprevjenu lil dawn in-nies milli jilħqu l-Ewropa imma ma tħallasx biex ikunu salvati persuni fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Libjana meta dawn ikunu qed jgħerqu.

Intant ilbieraħ, Neville Gafà saħaq li matul l-aħħar xhur, bosta NGOs Ewropej bl-għajnuna tal-avukati qrib tagħhom, nedew strateġija bil-għan li hu jitressaq quddiem l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC).  Gafà sostna li individwi Maltin qed jgħinu lil dawn l-NGOs fl-isforzi tagħhom, u hedded li jiżvelaw isimhom jekk hu jkun mitlub jixhed fl-inkjesta maġisterjali.

Fuq Facebook, huwa stqarr li NGOs umanitarji kienu qed jitolbu l-prosekuzzjoni tiegħu fil-Qorti Kriminali Internazzjonali għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq l-isforzi tiegħu biex jipprevjeni lil dawk li jfittxu l-ażil milli jilħqu Malta. Skontu, huwa żamm “eluf ta’ immigranti illegali milli jidħlu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.”

Dan wara li l-NGO umanitarja Sea-Watch qalet li ntlemħet dgħajsa tal-Gwardja tal-Kosta Libjana fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Sea-Watch allegat li qed titħejja pushback illegali fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn