Aktar minn 2,000 żagħżugħ mistennija jattendu Kungress f’Assisi msejjaħ mill-Papa

Il-Papa f’laqgħa ma’ żgħażagħ © Vatican media

Il-belt ta’ Assisi mistennija tilqa’ fiha aktar minn 2,000 ekonomisti żgħażagħ minn madwar id-dinja li se jattendu għal Kungress imsejjaħ mill-Papa Franġisku li se jsir bejn is-26 u t-28 ta’ Marzu li ġej.

Fl-istedina tiegħu, il-Papa spjega li l-iskop ta’ din il-laqgħa internazzjonali hu “biex tkun studjata u prattikata, ekonomija differenti, li tgħin lil wieħed jgħix, mhux imut; li tinkludi u mhux teskludi; li tumanizza u mhux tneżża mid-dinjità; li tagħti każ u tieħu ħsieb il-ħolqien bla ma tħares lejh”. Il-Papa qed jittama li fi tmiem dan il-Kungress jintlaħaq “Patt” biex tinbidel l-ekonomija tal-lum u tingħata ruħ lill-ekonomija ta’ għada.

L-ekonomija ta’ Franġisku

Din l-inizjattiva bit-tema “l-Ekonomija ta’ Franġisku” li se ssir fil-belt ta’ San Franġisk se jkollha l-parteċipazzjoni ta’ għorrief u esperti fil-qasam ekonomiku, fosthom uħud li rebħu il-Premju Nobel għall-ekonomija.

L-organizzaturi diġà rċivew aktar minn 3,300 talba għal reġistrazzjoni minn żgħażagħ taħt il-35 sena li ġejjin minn 130 pajjiż differenti.

Luigi Bruni, Direttur Xjentifiku tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Kungress spjega li dan l-avveniment qed ikun organizzat ma’ żgħażagħ li talbu għal aktar konferenzi u laqgħat individwali ma’ esperti. Fil-Kungress se jkun hemm tnax-il“villaġġ” li jiddiskutu suġġetti ekonomiċi: ix-xogħol, it-tmexxija, il-finanzi, l-agrikultura, il-ġustizzja, l-enerġija, il-faqar, il-profit, il-vokazzjoni, il-politika, l-inugwaljanza, in-negozju, il-paċi, is-sehem tal-mara u temi oħra.

Bruni qal lil Vatican News li dan se jkun “avveniment taż-żgħażagħ”. “Mhux qed nistennew li nibdlu l-ekonomija tad-dinja f’ħamest ijiem! Imma nistgħu nibdew azzjoni, nibdew proċess. Qed nagħmlu minn kollox biex nagħtu esperjenza tajba liż-żgħażagħ”.

Dawn il-laqgħat jagħmluha possibbli li wieħed jissuġerixxi “proposti għal bidla konkreta fl-ekonomija” li mbagħad jingħataw lill-Papa Franġisku għal kunsiderazzjoni tiegħu u inizjattivi ulterjuri.