Aktar minn 200 każ ta’ vjolenza kontra nsara fl-Indja fl-2019

Insara fil-mira ta' attakki kontinwi fl-Indja

Kienu reġistrati aktar minn 200 każ ta’ vjolenza kontra l-insara fl-Indja fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena.

L-Organiżazzjoni mhux Governattiva “Alleanza għad-Difiża tad-Drittijiet” li hi bażata fi New Delhi, f’rapport li bagħtet lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, irrappurtat 218-il inċident li seħħew fl-ewwel 243 ġurnata ta’ din is-sena. 159 minn dawn kienu każi ta’ vjolenza tal-massa – 27 każ simili kull xahar.

L-Organiżazzjoni qalet li l-mod kif seħħew dawn l-attakki jkun dejjem l-istess. Folla akkumpanjat mill-pulizija tasal f’post fejn ikun qed isir it-talb u tisfratta l-funzjoni b’għajjat u tinfexx issawwat lill-insara miġbura, fosthom anke nisa u tfal.  Imbgħad il-pulizija jarrestaw lill-qassis li jkun qed imexxi l-liturġija u jakkużawh falzament li qed jisforza lin-nies biex jikkonvertu.

Akkużi foloz

Attivista Kattolika u membru tal-Fondazzjoni qalli ebda waħda minn dawn l-akkużi qatt kienet ippruvata fil-Qorti. Fil-fatt, kważi s-saċerdoti kollha kienu meħlusa minn dawn l-akkużi foloz gżax ma setgħux ikunu ppruvati.

Dan ifisser li ħafna nsara  qed ikollhom restrizzjonijiet biex jipprattikaw il-fidi tagħhom. Dan qed iseħħ madwar l-Indja kollha, fi 23 mit-28 stat li fihom hu maqsum dan il-pajjiż.

L-NGO qalet li hemm tendenza li ma jsirux rapporti kontra min iwettaq dawn l-attakki. Infatti minn 218 attakk saru biss 25 rapport dwarhom. Dan juri li hemm ftehim bejn il-Pulizija u l-aggressuri vjolenti li naturalment għandhom l-appoġġ tal-politiċi jew il-mexxejja lokali.

Ħafna drabi ma jsirux rapporti għax il-vittmi jibżgħu mit-tpattija. L-impunità li l-Gvern u l-pulizija jagħtu lill-kriminali tkompli tnaqqas il-kunfidenza li l-vittmi jista’ jkollhom fl-awtoritajiet tal-pajjiż.

Żjieda fl-attakki

Dawn l-attakki żdiedu kull sena mill-2014 ‘l hawn.  Fl-2014 kien hemm 147 attakk; fl-2015, 177 attakk; fl-2016 seħħew 208 attakki; fl-2017 kien hemm 240 attakk u s-sena li għaddiet 292 attakk.

“Ħadd ma għandu jkun persegwitat minħabba t-twemmin tiegħu. Hu ta’ nkwiet kbir tara li dawn l-atti ta’ vjolenza tal-massa jkompli jseħħu minkejja diversi twissijiet tal-Qorti Suprema”, qal id-Direttur tal-Fondazzjoni.

Hemm bżonn ta’ liġi fuq bażi nazzjonali kontra l-vjolenza fuq minoritajiet reliġjużi. Jekk ma jkunx hemm din il-liġi, il-fundamentalisti protetti mill-istat, se jkolu jiterrorizzaw il-minoritajiet reliġjużi u partikolarment lill-komunitajiet insara fiż-żoni rurali.