Awdjo: Is-Slimiżi għandhom ikunu proattivi biex jinqered is-serq fil-lokalità – is-Sindku

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-laqgħa ta' konsultazzjoni pubblika, is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop qal li l-laqgħa tal-lejla wriet biċ-ċar kemm iċ-ċittadini Slimiżi għandhom ikunu proattivi jekk verament iridu soluzzjoni għall-problema tas-serq fil-lokalità.
Saħaq li fil-laqgħa ħarġu ħafna punti tajbin iżda l-aktar ħaġa importanti hi li kull resident jeħtieġ jgħin lill-ħaddieħor u mal-iċken suspett, għandhom javżaw il-pulizija. 

20 serqa f'perjodu ta' xahrejn
F’perjodu ta’ inqas minn xahrejn, f’Tas-Sliema ġew irrapurtati aktar minn 20 każ ta’ serq.
Dan ħareġ f’laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika li qed tiġi organizzata llejla bejn ir-residenti f’Tas-Sliema u l-Ministru għall-Intern, Manuel Mallia.
Il-Ministru Mallia ħabbar li l-għassa tal-pulizija f’Tas-Sliema se tissaħħaħ permezz ta’ sitt uffiċċjali ġodda. Żdiedu ukoll r-rondi ta’ pulizija pajżana biex jikkontrollaw is-serq fil-lokalita’. 
Fl-aħħar jiem, il-Kunsill ta’ din l-istess lokalita’ kellu wkoll laqgħa mar-rappreżentanti fil-Korp tal-Pulizija dwar is-sitwazzjoni li qed tinkwieta lil ħafna residenti Slimiżi.