Aktar minn 2 rapporti kuljum ta’ nies li weġġgħu lilhom infushom

Kuljum kien hemm 2.5 rapporti bħala medja dwar nies li provaw jweġġgħu lilhom infushom.
Rapport dwar il-kriminalità f’Malta fl-2016 juri li saru 901 rapport dwar nies li provaw jweġġgħu lilhom infushom.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Prof. Saviour Formosa, l-awtur tar-rapport qal li aktar min-nofs ir-reati matul is-sena l-oħra kienu dwar serq.
Prof. Formosa qal li San Ġiljan baqa’ l-aktar post li jsiru reati.
Dan hekk kif f’San Ġiljan saru reati ħames darbiet aktar mill-medja nazzjonali.
Il-Kriminologu Formosa qal li f’San Ġiljan ġew irrapportati kważi 2,400 każ.
Isegwu San Ġiljan kien hemm l-Imdina, il-Belt, il-Furjana u Tas-Sliema.
L-anqas reati saru fil-Kerċem, fil-Fontana u fis-Sannat.
Ir-rapport juri li residenti fil-Marsa, San Pawl il-Baħar, l-Imsida, is-Swieqi, ix-Xgħajra, San Lawrenz, l-Għasri, iż-Żebbuġ Għawdex u Pembroke huma f’riskju li jinsterqu minn djarhom.
Profs. Formosa qal li fl-2016 ġew irrappurtati ftit aktar minn 17,000 reat, żieda ta’ 160 każ aktar mill-2015.
Ir-rapport juri wkoll li l-pick-pocketing żdied b’21%, hekk kif ġew irrapportati 2,447 każ.
L-istudju wera li s-sejba tad-droga żdiedet bi 38% meta mqabbel mal-2015.
Żdiedu wkoll il-każijiet ta’ frodi b’6% meta mqabbel mal-2015.
Il-vjolenza domestika żdiedet ukoll. Dan hekk kif fl-2016 kien hemm 1,300 każ ta’ vjolenza, żieda ta’ 67 każ fuq l-2015.
Profs. Formosa ssuġġerixxa li ssir aktar riċerka fuq il-vjolenza domestika hekk kif kienet ir-raba’ l-aktar kriminalità komuni s-sena l-oħra.
Fl-aħħar nett ir-rapport juri li r-rapporti dwar offiżi sesswali naqsu b’10%.