Aktar minn 2 miljun passiġġier jgħaddu mill-ajruport fix-xitwa

Aktar minn żewġ miljun passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn Novembru 2018 sa Marzu 2019. Dan wassal lill-kumpanija sabiex tirreġistra tkabbir ta’ 5.9% fit-traffiku fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Din iż-żieda fil-movimenti tal-passiġġieri kienet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 8.1% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 7.6% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet. Is-seat load factor (SLF) għall-istaġun kien ta’ 76%.

Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li skeda ta’ titjiriet imtejba għax-xhur xitwin kienet fattur importanti fil-kisba ta’ dawn ir-riżultati. Is-CEO tal-Ajruport, Alan Borg, qal li din il-kisba kienet ta’ suċċess għall-mira sabiex Malta ssir destinazzjoni popolari mat-turisti anke fix-xitwa. Huwa rringrazzja lit-tim tal-MIA.

Liem kienu l-iżjed pajjiżi popolari?

L-istqarrija tgħid li l-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport, minbarra l-Ġermanja (-2.9%), irreġistraw tkabbir. Filwaqt li r-Renju Unit u l-Italja raw żieda baxxa ta’ 0.3% u 3.3%, tkabbir ħafna aktar sostanzjali ta’ 14.7% u 63.1% ġie rreġistrat minn Franza u Spanja. Pajjiżi oħrajn li kien hemm bosta titjiriet lejhom kienu Slovakkja, il-Portugall u l-Estonja. Ir-riżultati miksubin minn dawn it-tliet pajjiżi jistgħu jiġu attribwiti għall-fatt li r-rotot ta’ Bratislava, Porto u Lisbona, u Tallinn, intużaw fix-xhur tax-xitwa għall-ewwel darba.

Marzu rreġistra żieda ta’ 1.3% fil-movimenti tal-passiġġieri. Din iż-żieda kemxejn baxxa kienet prinċipalment riżultat tal-fatt li s-sena li għaddiet, l-effett tal-vaganzi tal-Għid ġie esperjenzat f’Marzu.

L-Ajruport qed jistenna jiem aktar impenjattivi, bl-iskeda sajfija wara l-bieb.