Aktar minn 180 kors offruti fl-MCAST minn Ottubru

Clifton Fenech

Aktar minn 180 kors se jkunu qed jiġu offruti fil-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-Arti (MCAST) li jvarjaw minn livell AB sa livell 7 fuq il-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF). Dan tħannar waqt it-tnedija tal-prospectus il-ġdid għas-sena akkademika 2019 – 2020 fil-kampus ewlieni tal-MCAST f’Raħal Ġdid.

Il-korsijiet huma mifruxa fuq is-sitt istituti tal-kulleġġ u jkopru x-xjenza applikata, l-arti kreattiva, l-inġinerija, kemm elettronika kif ukoll mekkanika, u t-trasport, it-teknoloġija tal-informatika, servizzi għall-komunità, u l-istudju ta’ kummerċ u business.

Dawn il-programmi ġew imfassla wara konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet fosthom l-industrija, il-Jobsplus u n-National Skills Council. Dan sar biex jiġi assigurat li l-MCAST joffri edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u professjonali sabiex l-istudent ikun imħejji għal karrieri f’setturi differenti. L-MCAST ħabbret li l-kors tal-ACCA se jibda jkun offrut ukoll fil-kampus tal-MCAST f’Għawdex.

Il-format tal-prospectus il-ġdid tal-MCAST ġie ddisinjat mill-istudenti tal-Istitut għall-Arti Kreattiva flimkien mal-letturi tagħhom u l-Uffiċċju tar-Reġistrar. Dawn l-istudenti jinsabu fl-aħħar sena tal-istudji tagħhom fil-Bachelor’s Degree (Honours) in Graphic Design u Bachelor of Arts (Honours) in Photography.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qal li t-tnedija tal-prospectus 2019-2020 huwa mument important ħafna mhux għall-MCAST biss imma għal Malta b’mod olistiku għaliex l-edukazzjoni u r-riċerka għandhom jibqgħu ħajjin b’kuntatt dirett mad-dinja tat-tagħlim, tax-xogħol kif ukoll dik soċjali u li dawn it-tlieta għandhom kollha jorbtu u jaħdmu flimkien.

Il-Prinċipal tal-MCAST il-Professur James Calleja qal li, “fil-prospectus il-ġdid tajna ħafna aktar importanza lit-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol: karatteristika ewlenija tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u professjonali li qed noffru fil-kulleġġ. Il-programmi mniżżla fil-prospectus il-ġdid huma gwidati minn tliet prinċipji: li jkunu mfassla skont il-bżonnijiet tal-industrija u tal-ekonomija ta’ pajjiżna; li jkunu rilevanti għall-komunità; u li r-riċerka li ssir fl-MCAST ikollha impatt fuq l-industrija, l-individwu kif ukoll fuq is-soċjetà. L-MCAST se tkompli taħdem mill-qrib mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, entitajiet edukattivi, kif ukoll ma’ min iħaddem biex inwessgħu u nsaħħu l-programmi tagħna, dejjem bil-għan li nippreparaw lill-istudenti għall-futur u l-karriera professjonali tagħhom.

Jekk tixtieq tara l-prospectus il-ġdid tista’ tagħfas hawn.