Aktar minn 16,000 żaru l-festival ŻiguŻajg

Aktar minn 16,500 persuna attendew it-tieni edizzjoni tal-festival ŻiguŻajg li matulu ttellgħu ‘l fuq minn 140 preżentazzjoni.

Matul il-festival, il-Belt Valletta reġgħet għal darb’oħra inbidlet f’benniena għall-arti performattiva. Il-mużika, l-istejjer, l-animazzjoni, films, iż-żfin u t-teatru kienu ftit mill-ingredjenti maħsubin biex jolqtu l-immaġinazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Id-direttur artistiku tal-festival Toni Attard saħaq li għal darb’oħra dan kien festival mżewwaq, pjaċevoli u memorabbli għal kulħadd. Hu stqarr li l-organizzaturi jinsabu sodisfatti ħafna bir-rispons tal-pubbliku għall-programm li ġie ppreżentat.