Read in English.
Aktar minn 150,000 familja f’Malta huma sidien ta’ djarhom. Dan ħareġ fi stqarrija mill-Ministeru għall-Familja b’reazzjoni għall-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. L-istatistika tħares lejn l-għadd ta’ familji sidien ta’ djarhom fl-2019 u tgħid li dan laħħaq 151,260.
Il-Ministeru qal li dan ifisser li tmienja minn kull 10 djar f’Malta u Għawdex huma propjetà ta’ dawk li jgħixu fihom. Intant, il-kumplament huma mikrija, jew min jgħix fihom ma jħallasx kera. L-għadd ta’ postijiet mikrija fl-2019 kien ta’ ftit aktar minn 45,000.
L-Uffiċċju tal-Istatistika ġabar l-informazzjoni tiegħu minn stħarriġ fost 4,000 familja dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-familji f’Malta u Għawdex. L-istatistika turi li tliet kwarti mis-sidien m’għandhom l-ebda piż fuq djarhom, filwaqt li l-kumplament għadhom iħallsu s-self li għamlu biex xtraw darhom. L-għadd ta’ familji li xtraw id-dar tagħhom matul l-2019 żdied b’madwar 3,300 fuq is-sena ta’ qabel.
Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li għal darb’oħra dawn iċ-ċifri wrew li Malta hija fost dawk il-pajjiżi li għandhom rata qawwija ta’ familji proprjetarji ta’ djarhom.
Kien spjegat li aktar minn 58% tad-djar huma appartamenti jew maisonettes. Il-kumplament huma djar detached jew semi-detached. Il-parti l-kbira tar-residenzi fihom ħamest ikmamar.
L-istħarriġ wera li minn popolazzjoni ta’ 467,000, madwar 17,700 persuna ħassewhom li qed jgħixu fi djar relattivament żgħar għad-daqs tal-familja. Kważi nofshom huma kklassifikati li huma f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
L-istatistika titfa’ dawl ukoll fuq kif il-familji jqisu l-ispejjeż tad-djar tagħhom. Fl-2019, ftit aktar minn 78% stqarrew li l-ispejjeż mhuma tal-ebda xkiel jew ta’ piż baxx, filwaqt li madwar 22% jħossu l-ispejjeż bħala piż kbir fuqhom.