Aktar minn 150,000 turist iżur Malta f’April

L-ammont ta’ turisti li ġew Malta matul ix-xahar ta’ April kien jammonta għal 153,000. Dan juri żieda ta’ 2.4% meta kkumparat mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Jekk wieħed jeskludi n-numru ta’ turisti li qattgħu l-iljieli tagħhom abbord cruise liners, f’April daħlu mal-150,000 turist.
Minn dan l-ammont, 125,000 ġew Malta fuq btala filwaqt li mal-11,000 persuna ġew Malta fuq xogħol.
Skont statistika tal-NSO, it-turisti mill-Unjoni Ewropea li ġew Malta għal btala żdiedu b’6.4% biex b’hekk jammontaw għal 134,000. Il-maġġoranza tat-turisti li ġew Malta kellhom bejn il-25 u l-44 sena, segwiti minn dawk ta’ bejn il-45 u l-64 sena.
L-istatistika turi li kien hemm tnaqqis ta’ 0.4% fin-numru ta’ iljieli li qattgħu t-turisti f’akkomodazzjonijiet hawn Malta. Matul April, it-turisti li ġew Malta nefqu aktar minn €119 miljun, żieda ta’ 3.8% fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet.