Aktar minn 15,000 marid bl-AIDS ikkurati fi strutturi Kattoliċi fl-Indja

Bħalissa aktar minn 15,000 persuna infettati bil-virus tal-AIDS fl-Indja qed ikunu tratti  b’kompassjoni mill-Assoċjazzjoni Medika Kattolika fl-Indja.  Din hi assoċjazzjoni nazzjonali li twaqqfet fl-1943 li tiġbor flimkien sptarijiet, servizzi tas-saħħa u servizzi soċjali f’diversi djoċesijiet kattoliċi fil-pajjiż.
L-Assoċjazzjoni għandha 150 istituzzjoni biex ikollhom ċentri għall-kura tal-AIDS li jipprovdu trattament għan-nies infettati bil-mard kif ukoll biex jagħtu pariri lill-pazjenti u l-familjari tagħhom.  Dawn qed jaħdmu flimkien ma’ istituzzjonijiet mediċi pubbliċi u għaqdiet mhux governattivi.
Tul il-25 sena li l-Assoċjazzjoni ilha mwaqqfa aktar minn 15-il miljun pazjent irċivew servizz “out patient” u 500,000 ohra servizz “in-patient”.  Illum 40 ċentru tal-Assoċjazzjoni jiffukkaw esklussivament fuq il-ħtiġijiet ta’ tfal vulnerabbli morda bl-AIDS.  Skont ċifri tal-Gvern Indjan fil-pajjiż hemm 2.4 miljun Indjan li għandhom l-AIDS u tfal taħt il-15-il sena jammontaw ghal 3.5% ta’ dawn il-pazjenti.
Fl-aħħar snin l-Assoċjazzjoni ffukat il-ħidma tagħha fuq żgħażagħ, partikolarment nisa b’servizzi mediċi u kampanji edukattvi fuq iż-żwieġ f’eta’ żgħira, edukazzjoni, saħħa materna u temi oħra importanti.
L-Indja hi relattivament pajjiż żgħażugħ fejn 65% tan-nies li jfittxu s-servizzi tal-Assoċjazzjoni  huma iżgħar minn 35 sena. Fil-pajjiż nisa żgħażagħ jiffaċċjaw diversi forom ta’ vjolenza sesswali, fosthom attakki bl-aċidu.