Aktar minn 130 MP japprovaw l-Intergrupp tal-kaċċa

FACE.eu

Aktar minn 130 Membru Parlamentari Ewropew taw l-appoġġ tagħhom mill-ġdid lill-Intergrupp tal-Parlament Ewropew “Biodiversity, Hunting, Countryside”.  

Skont stqarrija maħruġa mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) l-użu sostenibbli tal-art u l-konservazzjoni tal-bijodiversità huma fuq l-aġenda taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, inklużi s-sidien u l-maniġers ta’ artijiet fl-Ewropa, kaċċatur u nassaba, kif ukoll il-Parlament Ewropew.

L-FKNK laqgħat u apprezzat l-involviment tal-Ewroparlamentari Maltin biex seta’ jerġa jkun approvat l-Intergrupp fil-Parlament Ewropew. L-Intergrupp kien fost lista twila ta’ proposti. Skont l-FKNK dan jagħti sinjal politiku qawwi mill-Membri tal-Parlament Ewropew biex jappoġġjaw attivitajiet ewlenin fiż-żoni rurali tal-Ewropa għall-bijodiversità.

L-Intergrupp “Biodiversity, Hunting, Countryside” hu pjattaforma fejn jippermetti diskussjonijiet miftuħa bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea u l-esperti. Dan isir bil-għan li jaffermaw ir-rwol kruċjali tal-poplu rurali u l-importanza soċjo-ekonomika u kulturali tal-kaċċa, l-insib u l-attivitajiet tal-kampanja.