Aktar minn 12,000 mistennija għall-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ fil-Filippini

L-Arċisqof Jose Palma (fin-nofs) jingħata l-Basket tal-Pellegrin għall-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ li se jsir f’Cebu City (PHOTO FROM NYD 2019 FACEBOOK PAGE)

Madwar 12,000 żagħżugħ u żagħżugħa mistenni jinġabru fil-belt ta’ Cebu aktar tard dan ix-xahar biex jieħdu sehem fl-akbar laqgħa għaż-żgħażagħ li ssir fil-Filippini – il-Jum Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

L-Arċidjoċesi ta’ Cebu li din hi l-ewwel darba li qed tilqa’ dan l-avveniment trid turi li kapaċi torganizza dan l-avveniment kbir li se jsir bejn it-23 u t-28 ta’ dan ix-xahar. “Qed nantiċipaw li jkollna avveniment mill-isbaħ fl-arċidjoċesi tagħna”, qal l-Arċisqof Jose Palma, waqt konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem il-ġimgħa. “Ejja nitolbu biex kollox isir fil-paċi, tkun okkażżjoni ta’ ferħ u tħalli frott u tama għaż-żgħażagħ”.

30 Isqof preżenti

In-Nunzju Apostoliku, l-Arċisqof Gabriele Caccia se jkun preżenti fl-aħħar jumejn ta’ dan l-avveniment fejn hu mistenni li jkollu djalogu miftuħ maż-żgħażagħ. Aktar minn 30 Isqof membri tal-Konferenza Episkopali tal-Filippini, immexxija mill-President tal-Konferenza, l-Arċisqof Romulo Valles ta’ Davao, mistennija jattendu.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet kattoliċi “Zenit”, s’issa diġà hemm 11,695 pellegrin li rreġistraw biex jattendu u l-figura finali tista’ titla’ sa 18,000 jekk wieħed iżid- is-saċerdoti, sorijiet, il-voluntiera u n-nies tal-lokal li ma rreġistrawx. Il-qofol jintlaħaq bil-quddiesa fil-pubbliku li se tkun ċelebrata min-Nunzju Apostoliku Gabriele Caccia.

Iż-żgħażagħ pellegrini se jkunu qed joqgħodu ma’ aktar minn 3,000 familja, f’seminarji u f’dormitorji ta’ numru ta’ kunventi.  Il-koordinatur taż-Żgħażagħ tal-Arċidjoċesi ta’ Cebu, Frankel Gerard Margallo qal li madwar 90% tal-pellegrini se jaslu minn diversi djoċesijiet Filippini barra minn Cebu.

Wieħed mill-avvenimenti ewlenin f’din il-ġimgħa ta’ attivitajiet se jkun il-Festival taż-Żgħażagħ li se jkun mifrux tul il-metro ta’ Cebu, f’disa’ lokalitajiet differenti fejn f’kull wieħed ikun hemm diversi espressjonijiet ta’ arti, mużika u kultura.

Ikun minni skont kelmtek

Ħafna mill-attivitajiet se jkunu ffukati fuq it-tema tal-festival li hi “Jien il-qaddej tal-Mulej. Ikun minni skont Kelmtek”.

“Din se tkun festa’ ta’ formazzjoni u talb” qal Fr. Mark Rommel Barneso, Kap tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Jum Nazzjonali taż-Żgħżagħ.

Dan l-avveniment f’Cebu jaħbat ukoll mal-bidu tas-Sena taż-Żgħżagħ organizzata mill-Konferenza Episkopali ta’ Cebu bi preparazzjoni għall-ħames ċentinarju mill-wasla tal-Kristjaneżmu fil-Filippini.