Aktar minn 12-il miljun każ ta’ coronavirus madwar id-dinja

REUTERS/Thomas Peter

Il-każijiet tal-coronavirus madwar id-dinja telgħu għal aktar minn 12-il miljun nhar l-Erbgħa, skont l-għadd ta’ Reuters, hekk kif qed tiżdied l-evidenza li l-marda, li s’issa qatlet lil aktar minn nofs miljun persuna f’dawn l-aħħar seba’ xhur, tista’ tinfirex ukoll fl-arja.

L-għadd ta’ każijiet huwa t-tripplu tal-ammont ta’ każijiet severi ta’ influwenza fis-sena, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Diversi pajjiżi li ntlaqtu ħażin minn dan il-virus qed iħaffu l-lockdowns li kienu stabbilixxew biex iwaqqfu l-firxa tal-virus, filwaqt li oħrajn, bħaċ-Ċina u l-Awstralja, qed jerġgħu jimplimentaw għadd ieħor ta’ miżuri u restrizzjonijiet biex jindirizzaw il-fatt li l-infezzjonijiet qed jerġgħu jiżdiedu. L-esperti jgħidu li dawn il-bidliet fil-ħajja tax-xogħol u fl-attivitajiet soċjali jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jinsab vaċċin kontra din il-marda.

L-ewwel każ kien irrappurtat fiċ-Ċina fil-bidu ta’ Jannar, u fi żmien 149 jum il-virus kien affettwa lil 6 miljun persuna. Madankollu, f’anqas minn terz ta’ dan il-perjodu – 39 jum biss – dan l-għadd irdoppja biex wasalna għal 12-il miljun każ.

Aktar minn 546,000 persuna tilfu ħajjithom minħabba dan il-virus s’issa, li huwa madwar l-istess ammont ta’ nies li jmutu bl-influwenza fis-sena fid-dinja. L-ewwel mewta ġiet irrappurtata fl-10 ta’ Jannar f’Wuhan, iċ-Ċina, qabel l-infezzjonijiet u l-imwiet żdiedu fl-Ewropa u wara anke fl-Istati Uniti.

L-Istati Uniti rrappurtat rekord globali ta’ 56,818-il każ ġdid ta’ infezzjoni ta’ COVID-19 f’jum wieħed nhar it-3 ta’ Lulju, meta l-każijiet madwar id-dinja laħqu l-11-il miljun. Nhar it-Tlieta, l-Istati Uniti rreġistrat għadd totali ta’ 3 miljun każ, biex dan il-pajjiż issa għandu aktar minn kwart tal-każijiet u l-imwiet globali, fatt li qed jitfa’ dubji fuq l-istrateġija tal-pandemija li adotta l-President Donald Trump.

Il-President Brażiljan Jair Bolsonaro rriżulta pożittiv għall-coronavirus wara li hu kien qal li l-pandemija mhix daqshekk problema serja. Il-pajjiż irrapporta bejn 20,000 u 50,000 każ ġdid kuljum mill-1 ta’ Lulju. Il-Brażil għandu aktar minn 1.7 miljun każ u madwar 68,000 persuna tilfu ħajjithom.

L-għadd ta’ Reuters, li huwa bbażat fuq rapporti tal-gvernijiet, juri li l-marda qed tinfirex bl-aktar rata mgħaġġla fl-Amerika Latina. L-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel jgħoddu għal aktar min-nofs l-infezzjonijiet globali, u kważi nofs l-imwiet. Il-Brażil u l-Istati Uniti jammontaw għal madwar 45% tal-każijiet il-ġodda kollha mill-bidu ta’ Lulju.

L-Indja, il-pajjiż bit-tielet l-ogħla għadd ta’ infezzjonijiet, qed jaffaċċja rata ta’ infezzjoni ta’ aktar minn 20,000 każ ġdid kuljum.

F’pajjiżi b’kapaċità limitata ta’ ttestjar, l-għadd ta’ każijiet jirrifletti biss parti mill-infezzjonijiet totali. L-esperti qed iwissu li d-data uffiċjali x’aktarx mhix rappreżentattiva tal-għadd ta’ każijiet u mwiet.