Filmat: Aktar minn 12,000 Malti jħossuhom esklużi minn pajjiżhom

Għalkemm aktar minn 12,000 Malti jħossuhom esklużi minn pajjiżhom, il-Maltin huma l-inqas ċittadini Ewropej li jħossuhom esklużi soċjalment.
Dan ħareġ fir-rapport tal-Ewrobarometru li wera kif 3% tal-Maltin iħossuhom esklużi mis-soċjetà Maltija.
Din iċ-ċifra tikkuntrasta mal-20% tal-popolazzjoni Bulgara li tħossha eskluża mis-soċjetà li jgħixu fiha.
L-esklużjoni soċjali huwa fattur li jirrelata ħafna mas-sitwazzjoni ekonomika ta’ nies differenti u għalhekk huwa maħsub li aktar ma jkun hemm faqar, aktar hemm ċans li jkun hemm esklużjoni soċjali.
Waqt ir-raba’ Konvenzjoni Annwali Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali li ttellgħet fi Brussell, diversi rapreżentanti minn pajjiżi differenti tkellmu wkoll dwar il-faqar fost l-anzjani partikolarment dwar il-persuni li għandhom iktar minn 65 sena.
Sal-2050, in-numru ta’ ċittadini Ewropej li għandhom iktar minn 65 sena se jirdoppja, filwaqt li se jitrippla n-numru ta’ dawk li għandhom iktar minn 75 sena.
Għaldaqstant l-faqar jista’ jiżdied u l-Unjoni Ewropea ma tistax tkun passiva quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn.
Il-kummissjoni Ewropea taħt amministrazzjoni ġdida hija mistennija li talloka fondi differenti sabiex isiru proġetti li permezz tagħhom jonqos il-faqar fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. 
Enfażi qed tingħata wkoll lejn il-ġlieda kontra l-faqar fost in-nisa anzjani, anzjani li rabbew lil uliedhom waħedhom u dawk li ma’ kellhomx impjieg.
Ħafna mill-kelliema preżenti sostnew kemm hu importanti li mhux biss isiru proġett ta’ dan it-tip, fejn rappreżentanti minn pajjiżi differenti jaqsmu l-opinjonijiet u l-esperjenzi tagħhom, imma wkoll li jaddottaw it-teorija fil-prattika.
Dan għandu jsir sabiex it-tnaqqis tal-faqar ma jibqax xi ħaġa mixtieqa imma ssir xi ħaga reali.
Ir-raba’ Konvenzjoni Annwali Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali ġiet fi tmiemha iktar kmieni llum wara nofsinhar.
 
Filmat:  Reel8 Productions