Aktar minn 110 biċċiet ġojjellerija misruqa minn mużew fil-Ġermanja

Ħallelin serqu tliet settijiet ta’ ġojjellerija bid-djamanti minn wieħed mill-akbar kollezzjonijiet ta’ teżori fl-Ewropa. Dawn insterqu minn Dresdeb Green Vault li qiegħed fil-Lvant tal-Ġermanja.

Kull sett jikkonsisti minn 37 biċċa, u jaf li l-ħallelin se jippruvaw jiddividuhom.

Il-pulizija ta’ Dresden u l-uffiċjali tal-mużew qalu li għadhom qed jippruva jistabbilixxu eżatt kemm insterqu affarijiet fis-serqa li saret kmieni filgħodu.

Is-settijiet tas-Seklu 18 huma rrappurtati li jinkludu wkoll xi rubini, żmeraldi u żaffiri.

Numru kbir ta’ karozzi tal-pulizija marru fuq il-post. Il-ħallelin għadhom maħruba. Huma daħlu fil-mużew billi neħħew parti minn gradilja tal-ħadid ta’ tieqa li kienet fil-pjan terran u kissru l-ħġieġa.

Aktar kmieni llum, waħda mill-gazzetti Ġermaniżi irrappurtat li kienu nsterqu ġojjelli li jammontaw għal biljun ewro.