Aktar minn 100 post tax-xogħol b’riskju li jweġġa’ xi ħadd

Read in English.

Matul ix-xahar ta’ Lulju, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għamlet 680 spezzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol. Minn dawn 119-il post tax-xogħol kellhom nuqqasijiet serji li jistgħu jwasslu għall-inċidenti serji u anke mewt.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-uffiċjali tal-OHSA ordnaw biex jieqaf ix-xogħol immedjatament sakemm tkun irranġatha s-sitwazzjoni. Fi stqarrija l-OHSA qalet li bħala awtorità se tkun qiegħda tibqa’ ssegwi dawn il-każijiet u se jkunu qegħdin jimponu multi wara li l-investigazzjonijiet min-naħa tal-awtorità jintemmu.

Matul ix-xahar ta’ Lulju wkoll 38 entità u individwi ngħataw multi amministrattivi wara li nstabu ħatja li kisru r-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fix-xhur li għaddew. Il-multi kienu jvarjaw bejn €250 u l-€1,000 jiddependi mis-severità tal-każ.

L-OHSA ħarġet 147 notifika biex jitranġaw xi fatturi ta’ sigurtà fil-postijiet tax-xogħol wara li ma kinux eżattament mal-liġi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA qal li minkejja li l-informazzjoni hija aċċessibbli sabiex wieħed jassigura s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, għad hawn nies li jiddeċiedu li jinjoraw l-obbligazzjonijiet legali u jpoġġu f’riskju s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Żied li minn naħa tagħha l-awtorità mhux biss twaqqaf ix-xogħlijiet imma skont is-severità tal-każ tagħti multi u tressaq il-persuni l-Qorti. S’issa l-OHSA qiegħda tieħu azzjoni kontra 450 persuna talli kissru r-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà.