Aktar minn 100 multa waqt spezzjonijiet tat-traffiku

Il-Pulizija ħarġet mal-109 taħrika waqt l-ispezzjonijiet tat-traffiku li għamlet illum.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li ħarġet 26 taħrika rigward sewqan eċċessiv, waqt spezzjonijiet li saru fi Triq Bormla, iż-Żejtun. Fost it-taħrikiet, ingħattaw taħrika lil sewwieq li inqabad isuq b’101 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 50 kilometru fis-siegħa.

Waqt il-kontrolli li saru f’Kennedy drive, limiti tan-Naxxar, il-pulizija ħarġu 21 taħrika rigward sewqan eċċessiv, fosthom lil sewwieq li nqabad isuq b’128 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Numru ta’ kontrolli saru ukoll fi Triq Louis Wettinger, il-Mellieħa. Hemmhekk, il-Pulizija ħarġet 32 taħrika rigward sewqan eċċessiv, fosthom lil sewwieq li nqabad isuq b’110 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 60 kilometru fis-siegħa.

F’dawn il-postjiet ingħataw ukoll 30 kontravenzjoni rigward irregolaritajiet oħra, fosthom vetturi li ma kellhomx numru tar-reġistrazzjoni, tinted glass u sewqan bla liċenzja, fost oħrajn.

Karozza tqajjem suspett f’San Ġiljan

Waqt li kienu qegħdin isiru dawn il-kontrolli dwar sewqan eċċessiv u ksur ta’ regolamenti tat-traffiku, fi Triq Dragonara, f’San Ġiljan, il-pulizija tal-SIU nnutaw vettura tat-tip Mercedes li qajmet suspett. Għaldaqstant, il-Pulizija waqqfu din il-vettura u minn tfittxija li saret, ix-xufier instab fil-pussess ta’ sustanza suspettata raża tal-Cannabis. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha rigward dan.