Filmat: Aktar minn 100 familja spiċċaw fil-faqar minħabba l-coronavirus – Macelli

Nora Macelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide qalet ma’ Newsbook.com.mt li fi żmien xahrejn, minn meta feġġet il-pandemija tal-coronavirus f’Malta, irċevew terz tal-każijiet ġodda għall-għajnuna li normalment jidħlu f’sena.

Il-Fondazzjoni tgħin persuni li qed jgħixu fil-faqar sabiex ikunu jistgħu joħorġu mis-sitwazzjoni preżenti tagħhom, fost servizzi oħrajn li toffri.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Macelli qalet li kull sena, normalment mat-350 familja jitlobu l-għajnuna tal-Fondazzjoni. Qalet li dawn jiżdiedu mal-familji li huma jkunu bdew jgħinu fis-snin preċedenti. Irrimarkat kif dis-sena, mit-13 ta’ Marzu sa nofs Mejju, jiġifieri fi żmien xahrejn, raw terz (116 il-każ) tal-każijiet li normalment jidħlu f’perjodu ta’ erba’ xhur.

Spjegat kif il-każijiet kurrenti huma kemmxejn ikkumplikati. Dan hekk kif qed ikun hemm ħafna nies li tilfu xogħolhom u spiċċaw ma jistgħux iħallsu l-kera u l-kontijiet tagħhom, m’għandhomx biżżejjed flus biex jixtru l-ikel, u qed jippruvaw ifittxu xogħol f’perjodu fejn diffiċli li jsibu.

“Allura jekk familja ddur fuqna, mhux se ddur fuqna għall-ikel biss. Filfatt aħna xogħolna dak hu, li jkollna diskussjoni fit-tul mal-familja, fejn naraw iċ-ċirkustanzi li wasslu għal din is-sitwazzjoni u nibdew naqbdu tarf tarf biex ngħinuhom iħollu l-kobba,” spjegat Macelli.

Diversi inizjattivi fejn qed jitqassam l-ikel

Macelli faħħret id-diversi inizjattivi lokali li ttieħdu sabiex ikun hawn tqassim tal-ikel lill-familji, kemm ikel imsajjar u lest u kemm xirjiet. Hi ddeskriviet dan bħala barka u opportunità kbira. Spjegat li lil dawk il-familji li naqsilhom l-ikel, għajnuna tat-tip twassal biex ikunu jistgħu jfaddlu l-fondi li kienu se jużaw biex jixtru l-ikel u bihom iħallsu l-kera jew il-kontijiet l-oħrajn li jkollhom.

Semmiet iżda li l-għajnuna tal-ikel għal ċertu familji mhix biżżejjed, partikolarment fejn hemm problemi ta’ saħħa mentali u persuni li kellhom jitilqu mix-xogħol għax ma setgħux ikomplu minħabba li wliedhom spiċċaw iridu jibqgħu d-dar.

“Hemm ħafna tbatija hemm barra. Aħna qed naraw l-ansjetà tikber ħafna u qed tikber ħafna fost dawk li jgħixu waħedhom għax il-kuntatt ma’ dawk li kienu jgħinuhom qabel issa mhux qiegħed hemm ħlief bit-telefown,” spjegat Macelli. Qalet li hemm ansjetà kbira fejn jidħlu persuni li jieħdu ħsieb lil xi ħadd b’mard mentali għax ilhom magħluqin fid-dar għal xhur sħaħ. Qalet li qed jesperjenzaw ukoll każi ta’ ansjetà fejn jidħlu nisa tqal u li meta kellhom l-ewwel tarbija tagħhom esperjenzaw post-natal depression. Qalet li l-ansjetà tagħhom issa hija dik li t-tqala tagħhom għaddejja fi żmien il-coronavirus u li meta jiġu biex iwelldu hemm riskju li l-missier ma jitħalliex ikun preżenti waqt il-proċess tal-ħlas.

X’tagħmel is-St Jeanne Antide Foundation?

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Nora Macelli, spjegat ma’ Newsbook.com.mt li l-fondazzjoni bdiet mis-sorijiet tal-karità f’Malta fl-2007. Dan hekk kif il-kariżma tagħhom hija li jgħinu persuni foqra u riedu jaraw li l-ħidma tibqa’ għaddejja anke jekk huma ma jkunux preżenti jew jifilħu jagħmlu dan ix-xogħol minħabba l-età.

Bħalissa, il-Fondazzjoni għandha żewġ ċentri għall-familji, wieħed f’Ħal Tarxien u ieħor Birżebbuġia. Minn hemm huma joffru servizzi varji li f’dan iż-żmien kellhom jibdew jiġu offruti online minħabba l-pandemija.

“Minkejja li l-bibien magħluqin bqajna aċċessibbli għall-familji li konnha ngħinu qabel u kien hemm outreach ikbar ta’ każijiet,” spjegat Macelli.

Fi ħdan il-fondazzjoni hemm impjegati ħaddiema soċjali, infermiera psikjatriċi, persuni li rebħu l-vjolenza domestika u wkoll 95 voluntier li jitpoġġew fi djar differenti fejn ikun hemm bżonn l-għajnuna partikolari tagħhom.

Il-fondazzjoni tirċievi madwar 350 talba ġdida għall-għajnuna minn familji kull sena. Minn dawn iċ-ċentri joffru wkoll appoġġ lit-tfal fil-homework, qari u studju. Joffru support groups skont il-kategorija ta’ nies li ġarrbu esperjenzi simili u anke korsijiet għall-adulti. Intant, l-infermiera psikjatrika tara ħafna nies minn madwar Malta kollha li qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-familja b’mard mentali sever.

Intant, Macelli semmiet kif il-Fondazzjoni għandha wkoll żewġ djar fejn jilqgħu nisa li m’għandhomx fejn joqgħodu u wliedhom. Dan is-servizz huwa kkummissjonat minn The Trust Foundation u jġib l-isem ta’ Y-Assist.

L-impatt tal-COVID-19

Macelli rrimarkat kif il-bibien taċ-ċentri tagħhom kellhom jingħalqu iżda x-xogħol baqa’ għaddej. Issa, il-Fondazzjoni qed tara li s-servizzi tagħha jkunu aċċessibbli permezz ta’ Zoom, Skype, WhatsApp u Facetime. Spjegat li waħda mid-diffikultajiet preżenti hija meta jiltaqgħu ma’ persuni li jew m’humiex familjari mat-tekonoloġija jew inkellha m’għandhomx aċċess għaliha. Qalet li jkun hemm min iċempel għall-għajnuna iżda ma jħossux sigur jitkellem fuq it-telefown dwar il-problemi tiegħu għax ma jistax jara ma’ min qed jitkellem.

“Nadru ħafna s-sitwazzjoni tagħhom imma ma nafux x’nistgħu nagħmlu aktar,” spjegat Macelli. Qalet li bħalissa ma jistgħux jagħmlu żjarat fid-djar u b’hekk naqsitilhom ir-relazzjoni li jistgħu jiżviluppaw man-nies.

Mit-13 ta’ Marzu, il-Fondazzjoni qalbet għat-teleworking. Macelli qalet li mhux faċli għax issa dawn il-persuni ħadu x-xogħol tagħhom fid-djar tagħhom. Il-post fejn is-soltu jgħixu ħajjithom mal-familja u jmorru biex jistrieħu. Qalet iżda li din serviet ukoll ta’ opportunità għax issa għandhom aktar ħin hekk kif il-ġiri bil-karozza waqaf. Minkejja dan, il-ħinijiet saru iktar twal u iktar intensi. Spjegat kif hemm kollegi tagħha li jgħidulha li ġieli jispiċċaw jaraw nies tard filgħaxija għax dak il-ħin tinqalalhom xi emerġenza.

“Biex ngħinu aħjar irridu sforzi akbar fl-għajnuna fil-ħlas tal-kontijiet”

Macelli faħħret l-inizjattivi li ħa l-Gvern inkluż il-Ministeru għall-Familja bil-helplines differenti li nieda u l-Ministeru għall-Akkommodazzjoni Soċjali. Qalet li t-tqassim tal-ikel qed jgħin lil dawn il-familji ferm.

Qalet li fejn jidħol l-ikel m’għadx hemm bżonn li jinħolqu inizjattivi ġodda. Qalet li idealment, meta jinħolqu inizjattivi, issa jkunu jħarsu lejn għajnuna finanzjarja biex dawn il-familji fil-faqar ikunu jistgħu jħallsu l-kera jew il-kontijiet tagħhom.

Macelli qalet li bħalissa l-Fondazzjoni qed tħaddem sistema fejn qed tiġbor fondi permezz ta’ Facebook biex il-familji jaqtgħu dawn id-djun li qed iżommuhom lura minn ħajja aktar dinjituża. Qalet li dan il-fond qed jgħin lill-familji sabiex ma jiżżerżqux iktar fil-faqar, iżda mhux biżżejjed biex ilaħħaq mad-domanda. Appellat sabiex il-Gvern iniedi fond tat-tip, sabiex filwaqt li hu jgħin b’mod finanzjarju, il-Fondazzjoni tkun tista’ tħarreġ lil dawn il-familji aħjar biex jimmaniġġjaw l-istat finanzjarju tagħhom.

Filmat: Miguela Xuereb

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn