Aktar minn 1,000 student jiggradwaw mill-MCAST

Bejn Frar u Marzu ggradwaw mill-MCAST aktar minn 1,000 student, li mistennija jkomplu bl-istudji tagħhom sabiex isiru dejjem aktar professjonali f’dak li jridu u jħobbu jagħmlu.
Dawn l-istudenti gradwaw mill-MCAST Foundation College, jiġifieri dik il-parti mill-MCAST li toffri korsijiet li jibdew minn livell bażiku u jwasslu sa Livell 3. Uħud minn dawn il-korsijiet fl-ewwel livell bażiku ma jkunux jeħtieġu li student jippreżenta ċertifikat tal-‘O’ Levels mis-sekondarja, iżda fihom ikun mistenni li jtejjeb ir-riżultat sabiex javvanza.
L-istudenti f’dan il-kulleġġ tal-MCAST lestew korsijiet li jvarjaw mix-xjenza applikata, servizzi fil-komunità, inġinerija tal-bini u l-kostruzzjoni, ICT, kif sal-qasam marittimu u l-biedja.
L-MCAST qal fi stqarrija li jħossu kburi li 16% tal-istudenti li s-sena l-oħra gradwaw f’Livell 6 mill-MCAST, li hu daqslikieku ġabu degree fil-baċellerat mill-Università, bdew minn Livell 2 l-istudji tagħhom. Kważi nofs tal-istudenti li bdew minn Livell 2 komplew għal-Livell 3, li juri kif l-istudenti jkomplu jistudjaw.
Il-Prinċipal tal-MCAST, Stephen Cachia, feraħ lill-istudenti u ħeġġiġhom ikomplu bl-istudji u jibqgħu jemmnu fihom infushom u l-abbiltajiet tagħhom.