Aktar Maltin jirritornaw mil-Libja

Aktar Maltin komplew jaslu lura mil-Libja permezz tat-titjiriet li qed topera l-Medavia minn Mitiga.
Grupp ta' madwar 16-il ħaddiema Maltin oħra waslu bit-titjiriet tal-ajruplani Petro Air. 
Il-Medavia qed topera żewġ titjiriet minn dan l-ajruport biex il-ħaddiema Maltin fil-Libja li jridu jitilqu jkunu jistgħu jirritornaw Malta.
Is-sitwazzjoni fil-Libja qed tmur għall-agħar b’rapporti ta’ aktar ġlied fil-kapitali Tripli bejn il-militanti armati.
Dan qed jaffetwa wkoll l-andament ġenerali tal-pajjiż, b’ħafna sptarijiet jinsabu iffullati b’persuni midruba fil-ġlied hemm nuqqas ta’ mediċini u ċertu servizzi m’għadhomx joperaw.
L-ajruport fi Tripli ilu magħluq mit-13 ta’ Lulju li għadda wara li beda l-ġlied u sal-lum inqatlu madwar 50 persuna b’aktar minn 120 midruba.
Uħud mill-Maltin li waslu lura Malta qalu li raw xeni ta’ ġlied u semgħu sparar matul il-lejl.
Il-ġlied qed iwassal biex militanti armati fosthom grupp magħruf bħala Operation Room of Libya’s Revolutionaries, jaħtfu uffiċjali, attivisti u ħaddiema ta’ nazzjonlità barranija li qed jaħdmu fi Tripli.
Ilbieraħ inħataf l-attivista politiku Abdel-Moaz Banoun, li kien kritiku tal-militanti fil-Libja u kien qed jaħdem għall-ħolqien ta’ korp tal-Pulizija magħqud u armata ġdida.
Il-Gvern Malti għadu għaddej bil-ħidma biex isir kuntatt mal-militanti li ħatfu lil Martin Galea ta’ 42 sena mill-Bidnija.
Galea, li huwa eks suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta, ilu maħtuf mis-17 ta’ Lulju li għadda meta kien jinsab fil-fruntiera ta’ Tripli.
Huwa kien qed fil-Libja mal-kumpanija tal-enerġija Nageco.
Pajjiżi oħra fosthom iċ-Ċina, il-Filippini u t-Turkija qed jikkunsidraw li jevakwaw iċ-ċittadini kollha tagħhom li qed jgħixu u jaħdmu fil-Libja.