Aktar Maltin jiksbu l-istatus għoli ta’ Chartered Banker MBA

Marie Louise Vella u Andre P. Catania huma l-aħħar professjonisti Maltin fis-settur tas-servizzi finanzjarji li kisbu l-kwalifika prestiġjuża ta’ Chartered Banker MBA – l-ogħla unur professjonali disponibbli għall-bankiera madwar id-dinja.
Matul iż-żjara fl-Istitut Malti għas-Servizzi Finanzjarji (ifs Malta), il-President Kenneth B. Micallef u l-Viċi President Mark Agius, awguraw lis-Sa Vella, li gradwat reċentement, u lis-Sur Catania li gradwa s-sena l-oħra, għas-suċċess tagħhom meta kisbu l-kwalifika ta’ klassi dinjija li tikkombina dak kollu mitlub fl-ambjent bankarju l-ġdid ta’ wara l-kriżi.
Is-Sur Micallef qal: “It-tlestija b’suċċess tal-esperjenza diversa taċ-Chartered Banker MBA hija impenn biex jinżammu l-ogħla standards etiċi, professjonali u tekniċi li se jkunu ta’ benefiċċju għas-settur tas-servizzi finanzjarji. Din hija r-raġuni għaliex ifs Malta appoġġja din il-kwalifika mill-bidu u qed jaħdem ħafna biex jiffaċilita l-kisba tagħha minn professjonisti Maltin.”
Iċ-Chartered Banker MBA hija kwalifika unika li tippermetti lill-individwi jiksbu waħda mill-aqwa MBAs fis-Servizzi Bankarji kif ukoll l-istatus ta’ Chartered Banker. Din il-kwalifika doppja tingħata minn Bangor Business School University (fir-Renju Unit), l-Università internazzjonali ewlenija li tiffoka fuq it-tagħlim u r-riċerka, fi sħubija maċ-Chartered Banker Institute tal-Iskozja, l-eqdem istitut professjonali tal-bankiera fid-dinja.