Aktar ma t-tfal jaraw TV aktar jeħxienu

Aktar ma t-tfal idumu quddiem skrin aktar tikber il-possibbiltà li jeħxienu u jżidu fil-piż, irrispettivament jekk ikunux attivi jew le. Dan il-fatt ħareġ minn studju li sar fi tliet pajjiżi fl-Ewropa li kien pubblikat dan l-aħħar.

L-istudju sar mill-Unversità ta’ Helsinki fil-Finlandja, ir-Reġistru tal-Kanċer fin-Norveġja u l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer fi Franza. L-istudju sar fuq 10,288 tfal Finlandiżi ta’ bejn id-9 u 12-il sena.

It-tfal kienu klassifikati jekk idumux ftit quddiem skrin, jekk ma tantx idumu  inkella jdumux ħafna. Dawn inkludew jaraw programmi fuq it-TV jew films fuq il-kompjuter, u kemm ikunu attivi fiżikament. Ir-riċerkaturi żammew kont ukoll ta’ kemm kienu twal it-tfal, kemm jiżnu u kemm kien il-qies tal-qadd.

Ir-riċerka kienet pubblikata fil-ġurnal xjentifiku  Scientific Reports u wriet li wara li jittieħdu f’konsiderazzjoni l-età, is-sess, kemm idumu reqdin u x’eżerċiżżju jagħmlu, ħareġ ċar li dawk li jaraw ħafna TV jew idumu fuq il-kompjuter għandhom aktar ċans li jsiru jiżnu aktar milli suppost kif ukoll isiru obiżi, ħoxnin ħafna. Anki dawk it-tfal li jagħmlu ħafna eżerċizzju, jekk idumu ħafna quddiem it-TV,  xorta jispiċċaw ħoxnin aktar milli suppost.

Fl-istudju saret enfasi li dan ma kejjilx l-intensità tal-eżerċizzju għax lit-tfal staqsewhom biss dwar l-ammont ta’ ħin li jdumu jagħmlu l-eżerċiżżju fil-ħin liberu tagħhom.

“Hemm bżonn aktar riċerka biex jinstab l-effett sħiħ meta jittieħdu f’konsiderazzjoni l-ħin quddiem it-TV, l-attività fiżika d-dieta,” kompla juri l-istudju.