“Aktar ma neqirdu, aktar ma niffukawx fuq il-verità”

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, sostna li aktar kemm wieħed jeqred aktar se jikkarga d-dlam madwaru, u moħħu aktar ma jiffukax fuq il-verità.
Dan il-messaġġ Mons. Grech għaddieh waqt l-omelija fil-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, inkella kif inhi magħrufa, il-Festa tal-Gandlora, nhar il-Ġimgħa li għaddew fil-Katidral tal-Assunta r-Rabat.
Quddiemu l-Isqof kellu miġbura għadd ta’ kkonsagrati, u hawnhekk qabbel il-ħajja kkonsagrata bħala qamar li jilma billejl.
“Kif meta Marija daħlet fit-Tempju ta’ Ġerusalemm bit-tarbija f’idejha, hija kienet qiegħda ġġorr id-dawl, hekk meta aħna nidħlu fit-tempju bix-xemgħa tixgħel f’idejna, neħtieġu li nemmnu li qegħdin inġorru lil Ġesù f’idejna”, qal Mons. Grech, filwaqt li talabhom biex idawlu l-irqajja’ mudlama tal-ħajja.
L-Isqof enfasizza li min ikun qed ifittex l-għajnuna, fi kliem Mons. Grech “ix-xaqq ta’ dawl”, l-ewwel li ma jfittex lill-ikkonsograti, u għalhekk Mons. Grech żied jistaqsi lin-nies miġbura x’tip ta’ tweġiba jagħtu jekk jiġi xi ħadd fuqhom.
It-tweġiba hi li dawn għandhom jikkomunikaw id-dawl, mhux billi joqogħdu jikkwotaw jew jiddettaw mill-katekiżmu, iżda billi jirriflettu l-ħajja ta’ Ġesù skont dak li tgħallmu.
L-Isqof temm l-omelija tiegħu billi rrifletta fuq l-għożża u l-interess fil-ħajja kkonsagrata.
Iddeskrivihom bħala nar safi jqabbad mill-ġdid il-ġamar li qed jintefa sabiex terġa’ tinstab l-enerġija biex tingħax il-karità.