Aktar kumpaniji interessati fir-rotta bejn Malta u Sqallija

It-trasport bejn Malta u Sqallija qed jintensifika mhux biss bil-katamarani tal-Virtu Ferries u bis-servizz il-ġdid tal-Grimaldi.

Ma’ dawn hemm il-ħsieb li fuq din ir-rotta tibda topera wkoll it-Tirrenia wara l-ftehim li ntlaħaq mal-Ispanjoli tal-Balearia.

Matul is-sena li għaddiet kienu aktar minn 45,000 il-passiġġieri li waslu Malta minn Sqallija kemm bil-baħar kif ukoll bl-ajru.

Il-maġġoranza tat-turisti li jaslu Malta minn Sqallija huma it-Taljani u l-Ingliżi.

Il-Maltin jagħżlu li jmorru Sqallija speċjalment fix-xhur sħan tas-sajf għal btala.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Grimaldi dwar is-servizz il-ġdid tal-MV Audacia.

Kelliem għal din il-kumpanija stqarr li s-servizz kellhu rispons tajjeb ħafna mill-Maltin.

Fil-preżent, l-MV Audacia jaħmel tliet vjaġġi fil-ġimgħa lejn Augusta u Salerno.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li t-Tirrenia wkoll qed tikkunsidra din ir-rotta permezz ta’ katamaran ġdid.

Huwa mistenni li dan is-servizz jibda jopera wkoll mix-xahar id-dieħel.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, id-Direttur Maniġerjali tal-Virtu Ferries stqarr li l-kumpanija m’għandhix informazzjoni konkreta dwar il-ħsieb tat-Tirrenia.

Huwa stqarr li għaldaqstant, il-linja hija miftuħa għall-kompetizzjoni u dawk il-kumpaniji li jixtiequ joperaw din ir-rotta m’għandhomx isibu xkiel.