Aktar kontenituri għalik li għandek għal qalbek l-ambjent

GreenPak installat l-ewwel postijiet ta’ ġbir ta’ batteriji użati bħala parti mill-kampanja nazzjonali BATREE, kampanja bil-għan li tbiddel il-mentalità u l-mod ta’ kif nirriċiklaw il-batteriji.
F’dawn il-kontenituri wieħed jista’ jitfa’ l-batteriji komuni kollha, fosthom dawk li tista’ tiċċarġja mill-ġdid u li jintużaw għal apparat żgħir bħalma huma kaxex tat-TV, kif ukoll il-batteriji tondi tal-arloġġi.
Dawn il-kontenituri għalissa jinsabu biss fil-kunsilli lokali ta’ Birkikara, il-Ħamrun, Ħal Qormi, Tas-Sliema, Santa Venera, Ħal Għaxaq u Pembroke. Fix-xhur li ġejjin, GreenPak se tkun qed twaħħal aktar minn 300  kontenitur ieħor f’Malta u Għawdex, u anki fi skejjel.
BATREE hi inizzjattiva li qed tieħu post l-iskema Batterina li kienet titħaddem mill-Gvern u kienet iffinanzjata mis-sistema tal-eko-kontribuzzjoni. Minħabba li din il-kontribuzzjoni tneħħiet, GreenPak Coop ħadet fuqha r-responsabbiltà li tkompli l-programm ta’ ġbir ta’ batteriji.
Il-kunsilli lokali u ħwienet li jixtiequ jipparteċipaw fil-kampanja BATREE jistgħu jċemplu fuq 21660233 jew jibagħtu imejl hawnhekk.