“Aktar kemm inkunu kawti, aktar aħjar” – Fearne fuq il-vaċċin

Malta se tistenna l-approvazzjoni tal-aġenzija Ewropea

Chris-Fearne

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li bħall-kumplament tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, Malta se tistenna l-approvazzjoni tal-vaċċin kontra l-Covid-19 mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA), għaliex “aktar kemm inkunu kawti, aktar aħjar.”

Hu u jitkellem fuq TVAM dalgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa qal li lbieraħ il-Ministri tas-Saħħa Ewropej kellhom laqgħa mad-Direttriċi tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, li taġixxi bħala r-regolatur inkarigat mill-analiżi tar-riżultati tat-testijiet li qegħdin jagħmlu l-kumpaniji li qed joħolqu l-vaċċin kontra l-coronavirus.

F’din il-laqgħa, il-Ministri staqsewha għaliex l-awtorità regolatorja Ingliża tat awtorizzazzjoni temporanja u ta’ emerġenza għall-vaċċin, billi dan issa se jibda jitqassam mill-ġimgħa d-dieħla. Id-direttriċi wiġbithom li l-analiżi li qed tagħmel l-Aġenzija Ewropea hi ferm aktar rigoruża u dettaljata minn dik li għamlet l-awtorità Ingliża. Għaldaqstant, il-pajjiżi Ewropej qablu li jistennew l-awtorizzazzjoni tal-Aġenzija Ewropea, għax jippreferu jżommu aktar kawtela.

L-Aġenzija kkonfermat ukoll li l-analiżi tagħha fuq il-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech se titlesta sal-aħħar ta’ dax-xahar, u b’hekk Fearne qal li immedjatament l-ewwel konsenji jibdew triqithom lejn Malta. Malta għandha nofs miljun doża ordnati minn dan il-vaċċin.

Wara dak ta’ Pfizer u BioNTech, imbagħad hemm il-vaċċin tal-kumpanija Moderna, li l-analiżi tiegħu għandha titlesta lejn nofs Jannar. B’hekk, jekk dan jiġi approvat, jikkalkulaw li t-tilqima tasal f’Malta lejn l-aħħar ta’ Jannar.

Mistoqsi fuq min se jingħata l-vaċċin l-ewwel, Dr Fearne qal li hu se jispjega l-istrateġija ta’ dan fil-Parlament il-ġimgħa d-dieħla.