Aktar każijiet ta’ stupru fl-Indja

Qorti Indjana sabet ħatja lil żagħżugħ ta’ sbatax-il sena b’rabta mal-istupru fuq studenta f’Diċembru li għadda. Huwa kien akkużat ukoll b’omiċidju, dan għaliex it-tfajla mietet ftit jiem wara kawża tal-grieħi li ġarrbet.

Ftit tal-ħin wara li ngħatat is-sentenza ta’ tliet snin ħabs liż-żagħżugħ, numru ta’ persuni ħarġu fit-toroq jipprotestaw bl-għajta li jridu ġustizzja. Dimostranti qed jisħqu li la kien kbir biżżejjed biex iwettaq ir-reat, huwa wkoll kbir biżżejjed biex jgħaddi ġuri bħal kwalunkwe adult, u qed jitolbu biex jingħata s-sentenza tal-mewt.

Minn naħa tagħha l-qorti qed tgħid li meta wettaq l-istrupru l-akkużat kellu biss 17-il sena u għalhekk kellu jitressaq quddiem il-qorti tal-minorenni u li s-sentenza mogħtija hija l-massimu li tista’ tingħata mill-istess qorti.

Il-ġenituri tal-vittma mistennija jappellaw mis-sentenza għax fi kliemhom mhumiex kuntenti bis-sentenza.

Intant guru spiritwali fl-Indja kien arrestat mill-pulizija Indjana, akkużat b’abbuż sesswali fuq tfajla taħt l-età, fl-istat Indjan ta’ Rajasthan. Dan huwa l-iktar każ reċenti ta’ stupru fuq minorenni li wassal għal protesti pubbliċi u qajjem dubji dwar kif il-pulizija Indjana qed titratta l-vittmi konċernati.

Huwa mifhum li t-tifla rrappurtat lill-pulizija ġimgħatejn ilu u akkużat lill-guru spiritwali li abbużaha sesswalment waqt li marret iżżuru flimkien ma’ ommha, fir-residenza ta’ rtir tiegħu f’Jodhpur. Il-familja tat-tifla stuprata stqarret fuq il-mezzi tax-xandir li kienet ilha issegwi t-tagħlim tal-guru għal dawn l-aħħar għaxar snin.

Il-guru li jġib l-isem ta’ Asaram Bapu għandu mijiet ta’ eluf ta’ segwaċi fl-Indja u huwa magħruf ħafna għad-diskorsi tiegħu dwar ir-reliġjon Hindu. Huwa ċaħad kull akkużi kontrih. L-arrest tiegħu provoka diversi attakki fuq rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir Indjan li kienu preżenti fuq il-post.