Aktar kandidati jwieġbu għall-manifest ta’ għaqdiet Kattoliċi

Aktar kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għażlu li jwieġbu għall-manifest ta’ għaqdiet Kattoliċi. Dan ifisser li s’issa wieġbu għaxar kandidati minn total ta’ 41.

Il-ġimgħa l-oħra Newsbook.com.mt irrapporta kif kienu biss sitta li kienu wieġbu dwar il-manifest ippublikat mill-Moviment Ta’ Kana u mill-Catholic Voices Malta. Il-Partit Demokratiku u l-Alternattiva Demokratika wieġbu bħala partit wieħed.

Il-kandidat tal-PN David Stellini qal li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-manifest. Qal li jqis il-proposti mressqa bħala “mnebbħa minn prinċipji ta’ etika u morali u rispett lejn il-bniedem”.

Il-kandidata tal-PN Roberta Metsola qalet li tapprova bis-sħiħ il-manifest.

Il-kandidata tal-PN Roselyn Borg Knight kienet tal-istess fehma u qalet li l-manifest għandu l-appoġġ sħiħ tagħha.

Fuq kumment fuq Newsbook, il-kandidat tal-Partit Laburista Robert Micallef qal li ma kienx irċieva l-manifest però li wara li qrah iddikjara li jaqbel mal-punti tiegħu.