Aktar ittestjar meħtieġ biex tiġi ddeterminata l-kawża tat-tifqigħa l-ġdida tal-virus fiċ-Ċina – WHO

Read in English.

Nhar it-Tnejn uffiċċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalu li l-oriġini ta’ għadd ġdid ta’ infezzjonijiet tal-coronavirus f’Beijing mhix ċerta, imma l-istqarrija li dawn setgħu ġew ikkawżati minn oġġetti importati jew mill-ippakkjar ta’ salamun mhix “l-ipoteżi ewlenija”.

Diversi distretti tal-belt kapitali taċ-Ċina waqfu punti għall-kontroll tas-sigurtà, għalqu l-iskejjel u ordnaw li n-nies għandhom jerġgħu jiġu ttestjati għall-coronavirus nhar it-Tnejn wara żieda mhux mistennija fil-każijiet marbuta mal-akbar suq tal-ikel għall-bejgħ bl-ingrossa fl-Asja.

Il-gazzetti tal-istat irrappurtaw li l-virus instab fuq chopping boards li jintużaw biex jitqatta’ s-salamun importat fis-suq ta’ Xinfadi f’Beijing, li qajjem tħassib li din tista’ tkun it-tieni mewġa tal-pandemija fiċ-Ċina.

Mike Ryan, il-kap tal-programmi tal-emerġenza tad-WHO, waqaf milli jiddikjara li l-ippakkjar għandu jiġi ttestjat b’mod sistematiku wara t-tifqigħa ta’ infezzjonijiet ġodda.

“Naħseb li għandna bżonn ninvestigaw dak li ġara f’dan il-każ, iżda ma naħsibx li din hija l-ipoteżi ewlenija. Madankollu jeħtieġ li jsiru aktar testijiet,” qal Ryan matul laqgħa ta’ informazzjoni.

Il-kummenti tiegħu jirriflettu dak li qalu esperti aktar kmieni nhar it-Tnejn, li mhux probabbli li l-ħut innifsu jġorr din il-marda u li kwalunkwe rabta mas-salamun tista’ tkun ir-riżultat ta’ kontaminazzjoni minn oġġetti oħra.

Iċ-Ċina, li hija l-akbar importatur ta’ ikel tal-baħar u ta’ laħam, waqqfet ix-xiri tagħha minn fornituri tas-salamun Ewropej minħabba l-biża’ li dawn jistgħu jkunu marbuta mal-coronavirus. 

Ryan qal li l-aġenzija tal-U.N. kienet qed issegwi mill-qrib din it-tifqigħa l-ġdida tal-virus, li din offriet aktar għajnuna teknika liċ-Ċina u li kienet f’kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet f’Beijing fil-ħidma tagħhom biex jikkontrollaw l-imxija.

“Kif rajna f’diversi pajjiżi, dawn il-gruppi ġodda li qed ifaqqgħu – l-aktar meta l-oriġini tal-grupp, is-sors tat-tifqigħa ma jkunx magħruf – dejjem jikkawżaw tħassib,” kompla jgħid.

“Issa huwa meħtieġ li nirrispondu b’mod immedjat għal dan u li jitwaqqfu sett ta’ miżuri adegwati.”

Ryan qal li qed “jistenna” li ċ-Ċina tippubblika s-sekwenza ġenetika tal-virus wara din it-tifqigħa rreġistrata f’Beijing, kif kienet għamlet fil-passat. Traċċi ġenetiċi jissuġġerixxu li din setgħet ġiet mill-Ewropa. 

Il-kummenti tad-WHO dwar l-aħħar episodju fiċ-Ċina x’aktarx li jwasslu għal skrutinju mill-qrib dwar il-ħidma tal-organizzazzjoni, wara li l-Istati Uniti kienu kkritikaw il-mod li bih l-aġenzija tal-U.N. kienet ittrattat il-pandemija meta din faqqgħet l-ewwel darba, fejn dan il-pajjiż akkuża lill-aġenzija bħala waħda “ffukata fuq iċ-Ċina” u li dan talab biex tinfetaħ investigazzjoni.

Ix-xahar li għadda l-President Donald Trump qal li se jaqta’ kull kuntatt mal-organizzazzjoni.

Uffiċjali tad-WHO ikkonfermaw aktar minn 100 każ ġdid wara din it-tifqigħa l-ġdida, iżda s’issa ma kienx hemm rapporti ta’ imwiet

“Is-sejba li dan jista’ jkun marbut ma’ razza ta’ virus li t-trasmissjoni tiegħu hija aktar komuni fl-Ewropa hija waħda importanti, u dan jista’ jirrifletti trasmissjoni diretta bejn il-bnedmin, aktar minn kwalunkwe ipoteżi oħra,” qal Ryan. “Iżda dan għad irid jiġi stabbilit.”

Huwa qal ukoll li l-aġenzija tista’ ssaħħaħ it-tim tagħha fil-pajjiż b’aktar uffiċjali esperti fil-jiem li ġejjin, biex isegwu mill-qrib l-iżvilupp tal-investigazzjoni.