Aktar investiment fl-elettriku milli fiż-żejt

Fl-2016, l-investiment fl-elettriku għadda għall-ewwel darba fl-istorja dak fiż-żejt u l-gass, hekk kif nefqa akbar fuq l-enerġija li tiġġedded u s-sistemi ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija pattiet għat-tnaqqis qawwi fil-prezz taż-żejt.
B’kollox, l-investiment totali fl-enerġija naqas għat-tieni sena konsekuttiva bi 12% għal $1.7 triljun meta mqabbel mal-2015, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA). Investimenti fiż-żejt u l-gass naqsu b’26% għal $650 biljun, tnaqqis ta’ 25% fuq sena qabel, filwaqt li l-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija naqas “biss” b’5%.
Skont l-IEA, dan it-tnaqqis fl-investiment huwa kkawżat primarjament minn żewġ fatturi: l-ewwel nett il-prezzijiet baxxi taż-żejt, iżda wkoll progress teknoloġiku qawwi fl-aħħar snin li qed iwassal għal spejjeż inqas bies tinvesti fis-settur.
Min-naħa l-oħra, kien hemm investimenti kbar fil-qasam tal-ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari dawk jaħdmu b’enerġija li tiġedded. Għall-kuntrarju, l-approvazzjoni ta’ impjanti li jaħdmu bil-faħam niżlu għall-iktar livell baxx fl-aħħar 16-il sena.
Iċ-Ċina kompliet tiddomina fejn jidħlu investimenti ġodda fis-settur tal-enerġija, b’21% tas-sehem totali madwar id-dinja.
Qligħ rekord għall-aqwa klabbs Ewropej
L-aqwa klabbs tal-futbol fl-Ewropa ġġeneraw rekord ta’ dħul, grazzi partikolarment għal flus li qed idaħħlu mill-bejgħ tad-drittijiet biex il-partiti jixxandru fuq it-televiżjoni. Id-dħul globali għall-klabbs fl-akbar ħames kampjonati, jiġifieri l-Ingilerra, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja u Franza żdied għal aktar minn €13-il biljun fl-istaġun li għadu kif intemm, żieda ta’ 12% fuq l-istaġun preċedenti.
Dan ifisser li f’perjodu ta’ 10 snin, id-dħul globali ta’ dawn il-klabbs irdoppja. Skont studju annwali ppubblikat minn Deloitte, madwar nofs id-dħul wasal minn ftehim marbut max-xandir tal-logħob tal-kampjonati lokali kif ukoll taċ-Champions League. Parti l-kbira mid-dħul intefqu fuq pagi ta’ plejers, li żdiedu b’10% is-sena li għaddiet.
L-aktar kampjonat sinjur jibqa’ dak Ingliż, bil-klabbs jiġġeneraw ftit anqas minn 5 biljuni, meta mqabbel ma’ 4.4 biljun l-istaġun li għadda. Iżda minkejja dan ir-rekord ta’ dħul, il-klabbs Ingliżi xorta rreġistraw telf qabel it-taxxa ta’ €125 miljun.
Iżda r-rapport jagħti twissija importanti fuq is-sostenibbiltà ta’ dan il-mudell: id-dipendenza fuq il-kuntratti televiżivi saret wisq qawwija, u jekk din tbati, mela l-klabbs se jkunu f’pożizzjoni ta’ riskju. Proprju f’dawn l-aħħar jiem, Sky qalet li s-sena li għaddiet il-Premiership rawh 14% anqas, l-akbar tnaqqis fl-aħħar seba’ snin.
L-avukati Ingliżi jirreġistraw fl-Irlanda ħabba Brexit
Għadd kbir ta’ avukati mir-Renju Unit qed jirreġistraw fl-Irlanda fost tħassib dwar l-impatt ta’ Brexit fuq il-karriera tagħhom. Hu kkalkulat li madwar 1,000 avukat mill-Ingilterra u Wales irreġistraw fis-sena ta’ wara r-referendum, madwar 10 darbiet aktar min-numru annwali, fost biża’ li huma jistgħu jitilfu dritt li jistgħu jirrappreżentaw klijenti fil-qrati Ewropej wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.
L-avukati huma mħassba wkoll li t-tluq mill-UE jista’ jkollu impatt qawwi fuq l-istatus tal-privileġġ professjonali, jiġifieri l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn il-klijenti u l-avukati tagħhom.  Fil-preżent, jekk, pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea tinvestiga kumpanija minħabba allegat ksur tar-regolamenti dwar il-kompetizzjoni ġusta, il-komunikazzjoni bejn il-klijenti u l-avukati jekk dawn ma jkunux reġistrati fiż-Żona Ekonomika Eworpea mhix protetta.  It-telf ta’ dan id-dritt ipoġġi lid-ditti legali Ingliżi fi żvantaġġ enormi meta mqabbla mar-rivali fl-UE u tista’ ttellifhom ammont ta’ xogħol li jirrendi dħul qawwi.
Madankollu s’issa jidher li r-reġistrazzjoni tal-avukati biex jipprattikaw l-Irlanda hija biss miżura ta’ kontinġenza. Dan għaliex minkejja dan l-influss ta’ avukati, ftit huma l-kumpaniji legali li fetħu uffiċċju f’Dublin jew bliet oħra Irlandiżi.
Iżda numru ta’ esperti tas-suq qed jgħidu li dan eventwalment se jseħħ: Il-kumpaniji legali jsegwu l-klijenti tagħhom, u billi fl-aħħar xhur kien hemm numru ta’ kumpaniji ta’ servizzi finanzjarji li telqu minn Londra għall-Irlanda, hu mistenni li servizzi anċillari, bħal dawk legali, isegwu wkoll. Skont Brexit Tracker operat minn EY, li qed isegwi 222 kumpanija ewlenija fis-servizzi finanzjarji, kważi 60 diġà bdew iċaqilqu l-operat tagħhom jew qed jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.