“Aktar investiment fl-edukazzjoni u innovazzjoni biex nimmodernizzaw l-ekonomiji”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-proċess ta’ mmodernizzar tal-ekonomiji u s-soċjetajiet jeħtieġ aktar investiment fl-edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni.
Waqt is-summit li qed ilaqqa’ 28 mexxej tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kapijiet jew rappreżentanti ta’ 33 stat tal-Amerika Latina u l-Karibew, imsejħa bħala CELAC fi Brussell, il-Prim Ministru qal li l-intrapriżi żgħar u medji huma pedament fl-industrija Ewropea.
Saħaq li għandhom ikunu prijorità fis-swieq li għadhom qed jiżviluppaw f’pajjiżi żgħar fl-Amerika Latina u l-Karibew.
Dr Muscat sostna li bl-iskop li jintensifika l-impenn biex jinbnew aktar rabtiet inter-reġjonali, Malta se tkun qed tospita ċ-CHOGM f’Novembru li ġej, fejn se jipparteċipaw ukoll uħud minn dawn il-pajjiżi.
Il-Prim Ministru qal li t-tema Inżidu l-Valur Globali  għal dan is-summit, se tkun tfisser li nieħdu vantaġġ mid-diversità ta’ kull pajjiż fil-Commonwealth, biex inżidu l-valur fuq livell globali.
Il-Prim Ministru saħaq dwar l-impenn ta’ dan is-summit biex tingħata importanza lill-kontribut tas-soċjetà ċivili li għandha rwol importanti daqs, jekk mhux aktar mil-livell politiku.
Ritratt: OPM