“Aktar imwiet u l-Gvern Malti jibqa’ jżomm il-vapuri” – Sea-Watch

Minn tal-inqas 261 persuna tilfu ħajjithom fil-baħar Mediterran minn meta beda l-imblokk tax-xogħol ta’ tliet bastimenti li ma tħallewx joħorġu minn Malta. Dan qalitu fi stqarrija l-għaqda non-governattiva Sea-Watch.

Wara li l-Aquarius tħalla jitlaq minn Malta, il-bord tal-bastiment Sea-Watch 3 qalu li ma jistgħux jifhmu għaliex il-bastiment tagħhom mhux qed jitħalla joħroġ minn Malta.

L-Aquarius, operat minn SOS Mediteranee u Doctors Without Borders (MSF) salpa minn Malta lbieraħ wara li tħalla jiħdol fil-port Malti b’141 immigrant li kien salva f’żewġ ħidmiet differenti l-ġimgħa li għaddiet.

Fi stqarrija ntqal kif minkejja li l-vapur huwa rreġistrat kif suppost u jimxi mal-liġijiet marittimi, xorta baqa’ maqbud Malta għal 51 ġurnata. Għaldaqstant l-għaqda Sea-Watch talbet lill-Gvern Malti sabiex iwaqqaf l-imblokk motivat mill-politika u ma jħallix li aktar ħajjiet jiġu pperikolati.

Fl-istqarrija Sea Watch sostniet li l-fatt li l-Aquarius tħalla joħroġ minn Malta huwa pass lejn id-direzzjoni t-tajba. Madanakollu rrimarkat li anke jekk il-bastimenti kollha tal-NGOs lokali jitħallew jaħdmu, xorta se jkun hemm problemi  sabiex ilaħħqu mal-ħidmiet ta’ salvataġġ kollha neċessarji. Għalhekk insistew li l-fatt li tliet bastimenti tat-tip jinsabu maqbudin qed jipperikolaw ħafna ħajjiet.

Membru tal-bord ta’ Sea-Watch, Johannes Bayer sostniet li l-fatt li l-Aquarius tħalla jidħol malta m’għandux jidher bħala att ta’ solidarjetà meta hemm tliet bastimenti maqbuda fl-istess pajjiż li mhux jitħallew jagħmlu xogħlhom. Irrimarkat kif ħames vapuri li ltaqgħu mal-immigranti fuq il-baħar qabel ma’ ġew salvati mill-Aquarius irrifjutaw li jagħtu l-għajnuna, xi ħaġa li turi l-irresponsabbiltà li l-policies Ewropej qed jaslu għaliha.

Intant f’post fuq Facebook, Lifeline ħabbru li għandhom bastiment ieħor li se jkun qed jagħmel ix-xogħol tal-bastiment li bħalissa jinsab maqbud Malta.

+++ BREAKING +++MISSION LIFELINE hat ein Ersatzschiff gefunden. Aufgrund der rechtswidrigen Behinderung der…

Posted by LIFELINE on Friday, August 17, 2018