Aktar ħlas għall-uffiċjali tal-probation meta jingħataw iżjed każijiet

DOI: Pierre Sammut

Ġie ffirmat ftehim settorali għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Probation u Parole, li fost l-affarijiet li jinkludi, fih qbil sabiex kull uffiċjal tal-probation jingħata numru fiss ta’ każijiet. F’każ li dawn jinqabżu, l-uffiċjal jingħata xi ħlas skont il-grad tiegħu, imsejjaħ caseload allowance.

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ppresieda waqt l-iffirmar tal-ftehim settorali l-ġdid. L-aħħar ftehim kien sar fis-sena 2012. Il-Ministru Farrugia qal li f’dawn l-aħħar xhur, flimkien mad-Dipartiment tal-Probation u Parole, mal-Internal Relations Unit (IRU), u l-Unjoni Ħaddiema Magħqudin (UĦM), ħadem bis-sħiħ sabiex isaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Probation and Parole.

Il-ftehim settorali se jara li l-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Probation u Parole jingħataw numru ta’ benefiċċji, progress fl-iskali, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għall-ewwel darba l-Gvern se jagħti flus sabiex jintużaw għall-Continuous Professional Development (CPD) tal-impjegati. Dan sabiex il-ħaddiema jkomplu jitħarrġu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’dan il-qasam speċjalizzat.

Il-ftehim settorali ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-InternKevin Mahoney, mid-Direttriċi tad-Dipartiment tal-Probation u Parole Miriam Sevasta, mid-Direttur tal-UĦM Voice of the Workers Jesmond Bonello, u mill-Assistent Direttur tal-UĦM Voice of the Workers Edwin Balzan. Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm iċ-Chief of Staff Francis Galea u d-Direttur Ġenerali tal-istess ministeru Charles Vella.