Aktar ħidma biex Malta tibqa’ b’reputazzjoni tajba fis-servizzi finanzjarji

Finance Malta, li hija sħubija bejn il-gvern u l-privat biex tippromovi is-settur lokali tas-servizzi finanzjarji, ippubblikat linji gwida f’diversi setturi tas-servizzi finanzjarji. Dan sar b’rispons għal domanda qawwija minn barra minn Malta.

Dawn il-linji gwida jagħtu aktar informazzjoni lil dawk interessati li jinvestu f’Malta, fosthom it-tassazzjoni, regolamentazzjoni u elementi oħra.

Il-linji gwida ġew provduti fuq il-ħames setturi ewlenin ta’ pajjiżna, iġifieri l-istituzzjonijiet finanzjarji u dawk ta’ kreditu, pensjonijiet u insurance, fondi ta’ investiment u mmaniġġjar ta’ assi, mmaniġġjar tal-investimenti u aktar.

Il-Ministru għall-Ekonomija u Investiment, Dr Chris Cardona, qal li matul l-aħħar snin is-settur tas-servizzi finanzjarji kiber b’mod sinjifikanti għal diversi raġunijiet.

Qal kif filwaqt li għandha ssir ħidma biex dan is-settur ikompli jikber, r-reputazzjoni ta’ Malta għandha tibqa dak li hi biex dan it-tkabbir ikun possibli.

Finance Malta ħadet ħsieb li terġa tippubblika dawn il-gwidi wara li pubblikazzjonijiet preċedenti spiċċaw fi żmien sitt xhur.

Dawn se jkunu mqassma matul diversi konferenzi tal-industrija, kemm lokali kif ukoll internazzjonali.