Aktar ħatriet ta’ kummissarji għall-ġustizzja

Read in English.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħatar aktar kummissarji għall-ġustizzja fi sforz biex tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja f’Malta. Fi stqarrija l-Gvern qal li permezz ta’ dawn il-ħatriet, iċ-ċittadin se jinqeda aktar malajr.

Il-ħatriet ta’ kummissarji għall-ġustizzja ġodda huma ta’ Dr Sandra Sladden u lil Dr Marouska Debono waqt li ġie mġedded il-kuntratti ta’ Dr Ian Spiteri Bailey, Dr Matthew Brincat, Dr Roberta Fenech Gauci, Dr Mario Scerri, u Dr Lynn Zahra. Dawn se jkunu qed jaħdmu mat-tim eżistenti ta’ kummissarji preżenti. Dawn il-ħatriet qed isiru ftit tal-ġimgħat wara l-ħatra ta’ Dr Deborah Farrugia u ta’ Dr Martha Mifsud.

It-total ta’ kummissarji għall-ġustizzja issa huwa ta’ 21. Il-Gvern qal li din il-miżura wasslet għal aktar effiċjenza fil-qasam tal-ġustizzja fil-qrati, fejn issa, kawżi li qabel kienu jmorru quddiem il-Qorti, illum bis-saħħa ta’ dan l-att u b’żieda qawwija fin-numru ta’ kummissarji għall-ġustizzja, dawn qed jinstemgħu fit-tribunal tar-reġjuni mill-kummissarji maħtura.

X’jagħmel il-Kummissarju għall-Ġustizzja?

Il-kummissarji għall-ġustizzja jinħatru skont il-Kap. 291 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jipprovdi għat-twaqqif tas-sistema ta’ dipenalizzazzjoni ta’ reati minuri u għas-smigħ ta’ każijiet relatati f’forum inqas formali u iktar mgħaġġel.

Id-doveri tagħhom huma primarjament li jisimgħu, jeżaminaw u jiddeċiedu l-każijiet miġjuba quddiemhom mill-Pulizija Eżekuttiva, mill-kunsill lokali jew minn awtorità oħra kompetenti skont l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja (Kap . 291).