Aktar ħaddiema professjonali għall-kura tal-anzjani

32 student temmew il-kors għal care assistants mal-anzjani.
Il-kors Il-Kura fl-Anzjani – Teorija  u Prattika sar b’kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u l-Università ta’ Malta. It-taħriġ sar ġewwa San Vinċenz de Paul.
Fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari, Anthony Agius Decelis, qal li l-għan ewlieni tal-kors kien li jipprovdi taħriġ u esperjenza għall-kura tal-anzjani tal-lum u ta’ għada.
Tim miċ-Ċentru tat-Taħriġ kif ukoll għalliema u mentors segwew lill-grupp tul il-kors, li ffoka fuq il-bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali u soċjali tal-anzjani.
Waqt il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati tkellem ukoll il-Pro-Rettur tal-Università, Joseph Cacciottolo, li l-Università tieħu gost issostni korsijiet simili bil-kontribuzzjoni tal-Programm fl-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS).
Min-naħa tagħha, il-Kap Ezekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul spjegat kif dan mhuwiex kwalunkwe xogħol, iżda jeħtieġ taħriġ u tagħlim qabel wieħed jidħol f’din il-vokazzjoni.