Aktar ġurnalisti għandhom jimxu fuq l-eżempju ta’ The Daphne Project – RSF

L-Uffiċjal tal-Proġetti tal-għaqda tal-ġurnalisti Reporters Sans Frontières (RSF) Mehmet Koksal qal li aktar ġurnalisti għandhom jitgħallmu mill-eżempju ta’ The Daphne Project u jagħmlu proġett simili.
Koksal kien qed jitkellem fis-seminar tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew fl-okkażjoni tal-Jum iddedikat għal-Libertà tal-Midja.
Koksal irrefera għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u fakkar li l-ġurnalista ssemmiet fid-diskors ta’ Tajani fil-ftuħ tas-seminar. Qal li x-xogħol tal-ġurnalisti li jitwaqqfu milli jiktbu għandu jitkompla minn ġurnalisti oħra.
Koksal fakkar li hemm għadd ta’ ġurnalisti li huma arrestati fit-Turkija. Qal li l-kollegi Ewropej tagħhom għandhom ikomplu jippubblikaw dawk l-istejjer li l-ġurnalisti Torok ma jkunux jistgħu jippubblikaw.
Waqt l-istess seduta, membru mill-Unjin tal-Ġurnalisti tat-Turkija qal li l-ġurnalisti fit-Turkija qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol. Qal li l-paga medja ta’ ġurnalist hija ta’ madwar €400 fix-xahar.
Il-ġurnalist minn The Economist Piotr Zalewski qal li l-aħbarijiet foloz ed isiru n-normal fit-Turkija.
The Daphne Project huwa magħmul minn konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja madwar id-dinja, fosthom it-Times of Malta.
Ritratti: Parlament Ewropew