Aktar ġlied f’Marsalforn; raġel gravi

Miguela Xuereb

Raġel weġġa’ gravi fi ġlieda oħra li ġrat f’Marsalforn hekk kif jidher li saru diversi reati fl-aħħar ġimgħat f’din il-lokalità Għawdxija.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li raġel ta’ 28 sena residenti l-Marsa kellu jittieħed l-isptar wara argument f’Marsalforn. Ir-rapport dwar il-ġlieda fi Triq il-Port daħal għall-4am.

Skont il-Pulizija r-raġel weġġa’ gravi.

Il-każ qed jiġi investigat mill-Pulizija.

F’każ separat raġel ta’ 30 sena li attakka żewġ nisa f’Marsalforn weħel sentenza ta’ tliet snin u nofs ħabs. L-inċident seħħ fl-24 ta’ Lulju fis-1am fi Triq il-Port f’Marsalforn.

Filmat li wasal għand Newsbook.com.mt juri l-ġlieda li seħħet fil-port ta’ Marsalforn fit-2 ta’ Awwissu. Dwar din il-ġlieda l-Pulizija ressqet żewġ persuni l-qorti fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, u ż-żewġ persuni nħelsu mill-arrest.