Aktar għaqdiet kontra t-tnaqqir fis-sick leave

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ flimkien mal-għaqdiet membri fi ħdan l-istess kunsill qalu li huma kontra l-proposta li l-ewwel ġurnata ta’ sick leave ssir mingħajr ħlas għall-ħaddiem.
Huma kienu qed jirreaġixxu għall-proposta  tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem li ħarġu għall-baġit li jmiss.
Din il-proposta ġabet għadd ta’ reazzjonijiet differenti inkluż tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Min-naħa tiegħu Dr Muscat qal li l-Gvern qatt mhu se jaċċetta proposta li tnaqqas id-drittijiet tal-ħaddiema.
Huwa kien qal li ma jagħmilx sens li fil-klima ekonomika li għaddej minnha l-pajjiż, ikun hemm proposti li jnaqqru d-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-PD, il-Grafitti, l-MUT, l-MUMN u l-UĦM ukoll esprimew in-nuqqas ta’ qbil ma’ din il-proposta.