Aktar għajjat u storbju fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi

Jidher li fl-aħħar ħin reġgħet qamet kommossjoni sħiħa fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Pulizija. Jidher li għall-ħabta tal-4.30pm reġa’ nstema’ għajjat u storbju bħal ma ġara aktar kmieni dan ix-xahar.

L-ewwel każ tat-tip seħħ fit-3 ta’ Settembru. Fil-protesta ħadu sehem aktar minn 100 persuna, iżda n-numru eżatt ma kienx ġie kkonfermat.

Aqra: Aktar minn 100 immigrant jipprotestaw f’Ħal Safi

Imbagħad fid-9 ta’ Settembru għadd ta’ Pulizija ntalbu jassistu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi minħabba protesta. L-immigranti kienu qabbdu xi nar u ngħaqdu fi protesta deskritta bħala “rewwixta” mill-Pulizija. Propju llum, il-Pulizija reġgħet tat l-istess deskrizzjoni għall-aġir tal-immigranti.

Aqra: Ritratti: Għajjat, nar u storbju fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi

L-immigranti kienu xxabbtu mal-ħitan li jdawru liċ-ċentru ta’ detenzjoni. Kienu ttellgħu ukoll numru ta’ strixxuni bil-kelma “Freedom” fuqhom.