“Il-midja m’għandhiex tikkummenta dwar kawżi pendenti” – Il-Prim Imħallef

Fil-ftuħ tas-Sena Forensi, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri rrefera għall-midja meta qal li din għandha amministrazzjoni importanti fil-ġudikatura, iżda l-ġudikatura għandha tibqa’ indipendenti u imparzjali.
Fid-diskors tiegħu, qal li t-tnejn għandhom l-interess tal-pubbliku u li fil-mezzi tax-xandir m’għandux ikun hemm kummenti dwar kawżi pendenti, speċjalment t’interess pubbliku, u jekk l-verdett tal-qrati jikkorrespondi ma’ dak li jintqal fil-midja, allura jidher li “il-qorti tkun qed ċċedi għal dak li jintqal fil-midja”.
Il-Prim Imħallef kompla jgħid li għad hemm xogħol xi jsir fil-bini l-ġdid fil-qorti, issa hemm ukoll aktar spazju fl-awli u fl-uffiċċji tal-Imħallfin u l-avukati, bidla li kienet bżonnjuża.
Madankollu, sostna li għad hemm bżonn aktar xogħol xi jsir. Silvio Camilleri qal li ma kull liġi jrid isir studju dwar l-impatt li din se tħalli u mhux wara li tiġi implimentata.
Jekk il-ġudikatura ma tkunx taħt skrutinju kontinwu, din ma tkomplix tagħmel l-isforzi tagħha biex tkun aħjar.
Il-Prim Imħallef irringrazzja lill-President tal-Kamra tal-Avukati għall-ħidma tiegħu.
Il-President tal-Kamra tal-Avukati Reuben Balzan qal li din se tkun l-aħħar sena tiegħu bħala President tal-Kamra tal-Avukati. 
Dr Balzan qal li matul din l-aħħar sena saret ħidma fir-riforma fis-settur tal-ġustizzja. Fosthom kien hemm proposta tad-disclosure waqt l-investigazzjonijiet tal-pulizija.
Semma' li bdiet ħidma fuq database b’kontenut legali ta’ sentenzi tal-qrati tribunali, pubblikazzjonijiet legali u teżijiet tal-istudenti.
Balzan saħaq li mhux qed isir investiment fil-Ġustizzja u fit-tħarriġ tal-Ġudikatura għaliex fi kliemu, il-flus qed jintefqu f’affarijiet oħra bħaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi nazzjonali.
Qal ukoll li biex taħdem b'mod effettiv, il-Kummissjoni għall-Amminstrazzjoni tal-Ġustizzja għandha bżonn aktar riżorsi.
Dwar l-għażla tal-membri tal-ġudikatura, il-President tal-Kamra tal-Avukati sostna li l-għażla trid issir b'aktar trasparenza.
Preżenti għad-diskorsi tal-ftuħ tas-Sena Forensi kien hemm fost l-oħrajn l-Aġent President Dolores Cristina, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u x-Shadow Minister Mario De Marco.