Aktar films maħduma f’Malta fuq Canale 5

Wara li l-ġimgħa l-oħra xxandru żewġ films mis-sensiela 6 Passi nel Giallo fuq l-istazzjon Canale 5, matul din il-ġimgħa se jkunu qed jixxandru 3 films oħra li jinkludu wkoll is-sehem ta’ bosta atturi Maltin.

Fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis fis-2.05am, dejjem fuq Canale 5, se jkun qed jixxandar Souvenirs b’direzzjoni ta’ Edoardo Margheriti bl-atturi Demetri Goritsas u Pilar Abella u bis-sehem ta’ Larissa Bonaci, Colin Azzopardi, Francesco Catania, Julian Galea, Clyde Vassallo u Sean Vassallo.

Waqt il-ġbid ta’ Souvenirs f’Malta

Sebastian Brody li jaħdem mal-FBI ikun ma’ martu d-dar meta jisimgħu ddoqq il-qanpiena tal-bieb. Peress li kienu qed ilestu biex imorru għal avveniment tax-xogħol ta’ Sebastian, jaħsbu li wara l-bieb ikun hemm kollega tiegħu li mar biex jiġborhom, Mary taqbad u tiftaħ il-bieb u ssib ma’ wiċċha raġel li jipponta pistola lejha. Ikun ċertu Jack Tucker li kien spiċċa l-ħabs minħabba f’Sebastian u li issa jkun irid jivvendika ruħu.

Fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa fis-2.20am se jkun qed jixxandar Gemelle b’Daniele Pecci u Erica Durance u bis-sehem ta’ Colin Azzopardi, Graham Charles u Alan Paris.

L-istorja hi dwar Angela Wyler li titlob l-għajnuna ta’ uffiċjal għoli fil-pulizija biex jgħinha ssib lil oħtha Christine peress li ilha sentejn ma tisma’ mingħandha.

L-aħħar film maħdum f’Malta għal din il-ġimgħa huwa Omicidio su Misura (Tailor Made Murder) b’Rob Estes, Paolo Seganti u Clayton Norcross fil-partijiet ewlenin. Jidhru fih ukoll Paul Portelli, Joe Azzopardi, Alan Paris, Marc Cabourdin, David Ellul-Mercer, Malcolm Ellul u Mark Mifsud. Il-film mistenni jixxandar bejn i-Ġimgħa u s-Sibt fis-00.50am.

Randy Williams hu awtur magħruf ta’ kotba ta’ ġeneru thriller. Iqatta’ lejl ma’ mara li jkun għadu kif iltaqa’ magħha u lura d-dar isib lil martu mejtu. Hu jiġi suspettat bil-qtil, l-aktar minħabba li t-tfajla li jkun qatta’ l-lejl magħha issa tkun sparixxiet.