Aktar Fergħat tal-BOV jiftħu nhar ta’ Sibt

Read in English.

Il-Bank of Valletta qed iħabbar li, wara l-iżviluppi fix-xenarju COVID-19, se jkun qed iżid in-numru ta’ fergħat li joperaw kull nhar ta’ Sibt minn 6 għal 28, b’effett mis-Sibt 6 ta’ Ġunju 2020.

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-fergħat nhar ta’ Sibt se jerġgħu lura għan-normal mit-8.30 am sal-12.30 pm, bi ġbid ta’ flus u tisrif ta’ ċekkijiet aċċettati sa nofsinhar. Fid-dawl tat-tnaqqis ta’ restrizzjonijiet fis-seħħ kif imġabbar mill-Gvern ta’ Malta, il-Bank reġa rreveda l-operat tal-fergħat tiegħu bil-għan li jżid il-livell ta’ konvenjenza għall-klijenti tiegħu.

12-il fergħa tal-BOV f’Malta u 1 f’Għawdex se jkunu qed joffru servizz sħiħ nhar ta’ Sibt inkluż tisrif ta’ ċekkijiet, ġbid ta’ flus u depożiti. Dawn il-fergħat jinsabu f’Birkirkara, il-Gżira, il-Marsa, il-Mosta, in-Naxxar, ir-Raħal Ġdid, ir-Rabat, San Ġwann, Santa Venera, San Pawl il-Baħar, il-Belt Valletta, ir-Rabat Għawdex u ż-Żejtun.

12-il fergħa oħra f’Malta u 3 Aġenziji ġewwa Għawdex se jkunu miftuħin nhar ta’ Sibt għal servizzi bħal self għad-djar, self personali, investimenti, Cards u applikazzjonijiet għall-Internet u Mobile Banking. Dawn il-fergħat mhux se joffru servizzi ta’ kaxxiera nhar ta’ Sibt iżda se jiffukaw fuq servizzi bankarji oħra li jeħtieġu diskussjonijiet u pariri mill-istaff speċjalizzat tal-Bank. Dawn il-fergħat jinsabu f’Ħ’Attard, il-Balluta, Buġibba, il-Furjana, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, l-Imqabba, ir-Rabat, is-Siġġiewi, San Ġiljan, Tal-Ibraġ u ż-Żurrieq. L-Aġenziji ġewwa Għawdex huma dawk tan-Nadur, is-Sannat u x-Xagħra.

“Għalkemm għadna qed niffaċċjaw restrizzjonijiet tal-persunal minħabba x-xenarju attwali, ħassejna li għandna nipprovdu aktar aċċessibilità lill-klijenti tagħna. Aktar nies issa rritornaw lura lejn il-post tax-xogħol tagħhom u għalhekk ma jistgħux jaqdu l-bżonnijiet bankarji tagħhom matul il-ġimgħa,” iddikjara Geoffrey Ghigo, Head Branch Network tal-BOV. “Permezz ta’ din l-inizjattiva l-ġdida li-niftħu numru ta’ fergħat esklussivament għal servizzi oħra mhux relatati ma dawk provduti mill-kaxxiera, se nkunu qedgħin nipprovdu esperjenza aktar komda, sikura u konvenjenti għal dawn il-klijenti.”

Il-fergħat kollha msemmija hawn fuq se jkomplu joffru servizzi sħaħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.30 am u s-1.30 pm, bis-servizz ta’ kaxxiera disponibbli sa nofsinhar.

“Fl-aħħar ftit ġimgħat rajna żieda fid-domanda għal parir dwar self u investimenti. Dawn it-tip ta’ servizzi min-natura tagħhom stess, jeħtieġu diskussjonijiet itwal bejn il-klijenti u l-impjegati tal-bank, u għalhekk ridna nipprovdu ambjent aktar sikur u rilassat għall-klijenti li jeħtieġu dan it-tip ta’ servizzi. Aħna nkomplu nħeġġu lill-klijenti biex jevitaw il-kjuwijiet għas-sigurtà tagħhom stess u jagħmlu appuntament. Dawn il-miżuri jgħinu fit-tnaqqis tal-kjuwijiet u l-ħin ta’ stennija għall-klijenti kollha inklużi dawk li jeħtieġu servizz ta’ kaxxier,” temm jgħid is-Sur Ghigo.

Klijenti li jeħtieġu servizzi mhux mingħand il-kaxxier jistgħu jagħmlu appuntament billi jibagħtu email fuq info@bov.com bit-tip ta’ servizz meħtieġ, numru tal-mobile, numru tal-Karta tal-Identità u l-fergħa l-aktar konvenjenti għalihom jew billi jċemplu fuq +356 2275 3500 mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00am sal-4.00pm.

Iktar dettalji jistgħu jinstabu permezz ta’ dan il-link.

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130. Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA, liċenzjata biex twettaq in-negozju tas-servizzi bankarji u ta’ investiment skont l-Atti tas-Servizzi Bankarji u ta’ Investiment (Kap.370, 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).