Aktar fergħat tal-BOV jerġgħu jinfetħu min-nhar it-Tnejn

Read in English.

Il-Bank of Valletta bi pjaċir qed iħabbar li b’effett mit-Tnejn 22 ta’ Ġunju 2020, se jerġa’ jiftaħ tliet fergħat oħra, u b’hemm it-total ta’ fergħat miftuħa jilħaq il-31.

Il-Fergħat tal-BOV li jinsabu f’Ħal Luqa, Ħal Qormi u Skyparks se jkunu miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.30 am u s-1.30 pm u s-Sibtijiet mit-8.30 am san-12.30 pm. Tisrif ta’ ċekkijiet u ġbid ta’ flus jistgħu jsiru sa nofsinhar skond l-iskeda normali ta’ qabel il-COVID. Nhar ta’ Sibt, il-fergħa ta’ Ħal Qormi se tipprovdi servizzi sħaħ inkluż servizz ta’ kaxxier, filwaqt li l-fergħat ta’ Ħal Luqa u Skyparks se joffru servizzi kollha apparti dawk ta’ kaxxier.

Il-proċeduri kollha kurrenti fir-rigward tas-servizzi tal-kaxxiera u l-miżuri ta’ sikurezza inkluż il-limitazzjoni tan-numru ta’ klijenti ġewwa l-fergħa fi kwalunkwe ħin se jibqgħu fis-seħħ. Il-Bank ifakkar lill-klijenti tiegħu biex jevitaw il-kjuwijiet u jużaw l-ATMs fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata għall-ħtiġijiet ta’ flus kontanti tagħhom. Il-klijenti huma mħeġġa jagħżlu pagamenti contactless siguri permezz tal-BOV Cards, BOV Pay, BOV Mobile u Internet Banking.

“Fil-Bank of Valletta nifhmu l-importanza li l-fergħat tagħna għandhom fil-komunità tagħna,” iddikjara Horace Laudi, Uffiċjal Kap tar-Retail Banking fi ħdan il-Bank. “Bħalissa għandna l-maġġoranza tal-fergħat tagħna li huma miftuħin, b’firxa wiesgħa mal-Gżejjer tagħna. Qedgħin nagħmlu l-almu tagħna biex nerġgħu niftħu l-fergħat li fadal malajr kemm jista’ jkun, iżda bħal ħafna negozji oħra, għadna qed nesperjenzaw problemi li nħolqu mis-sitwazzjoni COVID-19. Għadd ta’ impjegati li ma kienux fuq il-post tax-xogħol minħabba miżuri introdotti mill-awtoritajiet tas-saħħa fl-aħjar interess tal-komunità, issa rritornaw lura u dan għamilha possibbli għalina li niftħu mill-ġdid dawn it-tliet fergħat. Madankollu, għad għandna numru ta’ impjegati ġenituri li għalissa m’għandhom l-ebda għażla oħra ħlief li jaħdmu mid-dar u jieħdu ħsieb it-tfal żgħar tagħhom. Nistennew li hekk kif aktar mill-impjegati tagħna jkunu jistgħu jirritornaw, inkunu f’pożizzjoni li niftħu aktar fergħat għall-konvenjenza tal-klijenti tagħna.”

Fl-istess ħin, il-Bank of Valletta qed jimplimenta numru ta’ miżuri mmirati biex joffru alternattivi sabiex il-klijenti jinqdew xorta u mingħajr ma jkollhom joqogħdu jistennew fil-kju. Fil-fatt, is-sistema ta’ appuntamenti għal servizzi bħal self għad-djar, self personali, investimenti, ftuħ ta’ kontijiet, applikazzjonijiet għal kards ta’ debitu u ta’ kreditu, Internet u Mobile Banking hija diġà fis-seħħ. “Is-saħħa tal-klijenti u tal-impjegati tagħna tibqa’ l-prijorità ewlenija tagħna. Qegħdin nipprovdu appoġġ sinifikanti lill-klijenti kollha tagħna u qed inħarsu lejn il-proċessi tagħna u nimplimentaw bidliet biex innaqqsu l-kjuwijiet sabiex il-klijenti tagħna jkollhom esperjenza aħjar u aktar sikura fil-fergħat tagħna,” temm is-Sur Laudi.

Il-klijenti jistgħu jagħmlu appuntament għal servizzi li mhumiex tal-kaxxier billi jibagħtu email fuq info@bov.com bit-tip ta’ servizz meħtieġ, numru tal-mobile, numru tal-Karta tal-Identità u l-fergħa preferuta tagħhom jew billi jċemplu fuq +356 2275 3500 mit-Tnejn sal-Ġimgħa 8.00 am sal-4.00 pm.

Iktar dettalji jistgħu jinstabu permezz ta’ dan il-link.

Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130. Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA, liċenzjata biex twettaq in-negozju tas-servizzi bankarji u ta’ investiment skont l-Atti tas-Servizzi Bankarji u ta’ Investiment (Kap.370, 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).