Niżvelaw kif jiġu mħarrġa l-ħaddiema tal-Korpi

Esperti jistaqsu jekk il-Korpi tal-Forzi tad-Dixxiplina f'Malta humiex ogħla mil-liġi

Korpi Dixxiplinati Akkademja

Minkejja li t-taħriġ biex wieħed isir pulizija, suldat, membru tal-protezzjoni ċivili jew uffiċjal korrettiv għandu jsir mill-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati f’Malta li twaqqfet apposta fl-2016, dan mhux dejjem isir.

Il-Korpi tal-Forzi Dixxiplinati, li jinkludu l-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, huma marbuta bil-liġi biex il-korsijiet għal taħriġ u ngaġġ jagħmluhom permezz tal-Akkademja.

Taħriġ ta’ inqas minn 16-il ġimgħa?

Riċentament, mal-40 rekluta kienu qed jitħarrġu biex isiru gwardjani jew uffiċjali korrettivi fil-Faċilità ta’ Kordin. It-taħriġ, li kien qed isir f’Kordin stess, kien imxekkel mill-pandemija tal-Covid-19 wara li ħarġu xi każi pożittivi fost ir-rekluti. Dan wassal biex għal ġimagħtejn sħaħ ma sarux lezzjonijiet.

Madanakollu, skont sorsi infurmati, dan ma jiġġustifikax li l-perjodu tat-taħriġ tnaqqas drastikament, bil-konsegwenza li s-sillabu kollu ma ġiex kopert. Dan meta li skont ir-regolamenti, il-kors tar-rekluti jdum għaddej 16-il ġimgħa inkluż erba’ ġimgħat placement.

L-istess sorsi qalu li wara numru ta’ lezzjonijiet, li saru fil-Faċilità Korrettiva u mhux fl-Akkademja kif stipulat fil-liġi, tpoġġew “jaħdmu fid-Divisions”. Suppost ir-rekluti jibdew jaħdmu wara li jkunu lestew il-placement ta’ erba’ ġimgħat fid-Divisions, iżda jidher li dawn bdew jagħmlu ċertu xogħol waħedhom mingħajr it-taħriġ adekwat.

73 ħaddiem ġdid fil-ħabs

Dawn l-40 rekluta kienu parti mill-grupp ta’ 73 persuna li nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru bdew karriera mal-Aġenzijaa għas-Servizzi Korrettivi. Fi kliem il-Ministeru għall-Intern dan wara “proċess ta’ reklutaġġ u ġimgħat ta’ taħriġ estensiv”.  Fost dawn il-ħaddiema ġodda hemm 14-il mara. Lill-uffiċjali korrettivi ġodda, il-Ministru Byron Camilleri qalilhom li l-ikbar kisba tagħhom hi li meta priġunier joħroġ mill-ħabs ikun persuna aħjar.  Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Alex Dalli tkellem dwar kif is-soċjetà tistenna dixxiplina u riforma.

Ilbieraħ 73-il rekluta ħadu l-ġurament bħala uffiċjali korrettivi.

Posted by Malta Correctional Services Agency on Saturday, October 10, 2020

Anke l-Oppożizzjoni, permezz ta’ stqarrija rreaġixxiet għal din l-aħbar. Filwaqt li feraħ lit-73 rekluta ġdid, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami saħaq li r-reklutaġġ għandu jkun fuq bażi regolari bħalma jsir f’korpi dixxiplinari oħra u jkun aġġornat għaż-żminijiet tal-lum.

Taħriġ mill-Akkademja jew mill-Korpi nfushom?

Il-viżjoni tal-Gvern għall-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati hi li toħloq taħriġ professjonali li jwassal għal aġġornament tal-livell ta’ servizz offrut lis-soċjetà minn membri tal-Forzi Dixxiplinati.

Madanakollu l-forzi dixxiplinati qed iħallu l-Akkademja kif stabbilit mil-liġi u jagħmlu r-reklutaġġi u korsijiet tagħhom. Il-forzi rispettivi minbarra l-Korp tal-Pulizija għandhom ukoll id-dipartimenti ta’ taħriġ tagħhom stess. Osservaturi saħqu li dan huwa ħela ta’ flus u riżorsi mit-taxxi tal-poplu Malti, filwaqt li jistaqsu jekk il-Korpi tal-Forzi tad-Dixxiplina f’Malta humiex ogħla mil-liġi:

  • L-AFM ghandha, il-fergħa ta’ Kapaċitajiet u Taħriġ (Capabilities and Training Branch): Responsabbli għall-koordinazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ u edukazzjoni inkluż ippjanar u eżekuzzjoni ta ‘eżerċizzju. Din taghmel parti mir-raba’ reġiment ta’ skola ta’ taħriġ.
  • L-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi għandha fi ħdanha l-Enrichment & Development Training Unit (EDTU), fejn għandha klassijiet u anke postijiet oħra fejn isir taħriġ fiziku.
  • Is-CPD għandu CARO Manager li jieħu ħsieb kull tip ta’ taħriġ intern u estern. Il-faċilitajiet ta’ taħriġ jinsabu fil-Ħal Far Fire Station, fejn hemm disponibbli strutturi ta’ simulazzjoni tan-nar inkluż Smoke House.
  • Servizzi ta’ Detenzjoni

Osservaturi qalu li riċentament kemm il-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħarrġu rekluti ġodda fl-uffiċini tagħhom u mhux fl-Akkademja. Madanakollu mbagħad, entitajiet li mhumiex parti mill-korpi dixxiplinati għamlu t-taħriġ fl-Akkademja. Waħda mill-entitajiet hija l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA).

Newsbook.com.mt talab xi statistika u informazzjoni oħra lill-Akkademja iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni dan is-sit ma rċeviex tweġibiet.