Aktar diżgwid f’Għada Jisbaħ Ukoll

Fl-episodju tal-lum ta’ Għada Jisbaħ Ukoll, li jixxandar fit-3pm fuq TVM, naraw kif bejn Martina u Rina hemm naqra ta’ diżgwid. Rina, bil-karattru ġenwin tagħha li tqis dak kollu li tagħmel u tgħaddi minn ħafna torturi mentali u emozzjonali qabel ma tagħmel xi ħaġa, tissuspetta ħażin f’Martina li min-naħa tagħha, għalkemm tħobb tosserva, tirreaġixxi mingħajr wisq ħsieb!

Il-qagħda ta’ Nathalie ma tantx hija mill-aħjar. Kulħadd jinsab inkwetat minħabba fiha.

Imma l-istorja l-aktar importanti f’dan l-episodju hija dik marbuta ma’ dan il-karattru misterjuż ta’ G bit-Tikka.

Ġulja u Fr. Bert marru ifittxuh u ma kinux l-uniçi! Fr. Bert madanakollu bħal jilbes il-ħwejjeġ ta’ Sherlock Holmes u jipprova jsolvi dan il-każ hu!

Jean Paul bħal qisu għadda minn bidla kbira. Żgur li mhuwiex l-istess karattru li ltqajna miegħu meta sirna nafu kif daħak b’Nathalie. Għalkemm din tal-aħħar ma tantx tagħti każ ta’ dan il-kambjament, xi ħaddieħor, Blend, issa tħossha mitlufa u mhedda.

Martina sadattant għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar missierha, ommha u r-relazzjoni tagħhom ma’ Peter.