Aktar direttivi fl-isptarijiet minn nofsillejl – UĦM

Il-UĦM tappella lill-Gvern biex jagħti rrikonoxximent neċessarju lill-professjonisti tas-saħħa.

Read in English.

Minn nofsilejl se jidħlu fis-seħħ għadd ta’ direttivi ġodda fl-isptarijiet hekk kif il-UĦM Voice of the Workers qed tappella lill-Gvern biex jagħti rrikonoxximent neċessarju lill-professjonisti tas-saħħa.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li se tkun qed teskala d-direttivi minn għada għall-Allied Health Professionals. Dawn il-grupp ta’ professjonijiet speċjalizzati f’setturi differenti fil-qasam tas-saħħa huma l-Audiologists, Biomedical Scientists, Dental Hygienists, Dental Technologists, Occupational Therapists, Physiotherapists, Podiatrists, Radiographers u Speech Language Pathologists.

Għalhekk minn għada:

  • Operazzjonijiet mhux urġenti ser ikunu posposti
  • Radiographers fl-emerġenza ser ikunu fuq go slow
  • CTs, MRI u Theatres ser jiefqu sakemm mhux emerġenza
  • Testijiet tad-demm mhux ser jiġu proċessati jekk mhux emerġenza jew swabs tal-COVID-19
  • Servizzi tal-Podjatrija ser jitnaqqas għajr għal servizzi urġenti kemm flisptarijiet u l-kura primarja waqt li servizzi fil-komunità mhux se jiġu offruti.
  • L-Occupational Therapists mhux ser jaraw pazjenti ġodda u mhux se joffru servizzi ta’ home visits.
  • Każijiet ta’ nies li għandhom diffikultajiet biex jibilgħu l-ikel u x-xorb (dysphagia) fil-komunità ser jiġu referuti għall-Casualty filwaqt li servizzi fil-komunità ta’ Speech Language Pathology se jkunu mwaqqfa apparti każijiet ġodda li se jingħataw vista waħda.
  • Testijiet tas-Smigħ se jiefqu kollha.
  • Il-Fiżjoterapisti ser ikunu qed jaraw każijiet respiratorji biss.

Il-UĦM qalet li għalkemm l-azzjonijiet mhux qed jolqtu l-imxija tal-Covid-19, l-unjin qalet li “mhi teskludi xejn jekk il-gvern jibqa’ jsabbat saqajh”.

Fl-istqarrija l-unjin spjegat li hi ta’ sfortuna li minkejja li hemm ftehim sakdut bi tliet snin, il-Gvern mhux lest jagħti żidiet fil-pagi u kundizzjonijiet li jirriflettu l-irwolijiet ta’ dawn il-professjonisti. Fissret kif dawn il-professjonisti huma pilastru ewlieni fil-qasam tas-saħħa u nuqqas ta’ ftehim kollettiv ġdid għal dawn il-ħaddiema jfisser kundizzjonijiet li jirriflettu rrealtajiet ta’ seba snin ilu.